Lokali

Netnews.com.mt mal-aqwa 10 siti onlajn

L-aktar statistika riċenti tpoġġi lil netnews.com.mt mal-aqwa 10, fosthom Google, Facebook u Youtube.

Suċċess għas-sit netnews.com.mt. F’inqas minn sitt ġimgħat minn meta tnieda s-sit il-ġdid ta’ Netnews.com.mt, skont is-sit internazzjonali Alexa, li jkejjel il-popolarita’ tal-websites madwar id-dinja, is-sit ta’ Net News jinsab mal-lista tal-aktar għaxar siti onlajn li jsegwu l-Maltin u l-Għawdxin.

Netnews.com.mt tnieda nhar it-22 ta’ Frar li għadda, jiġifieri f’47 ġurnata dan is-sit jinsab diga fost l-aktar 10 siti popolari.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat, Net News, permezz tal-ħidma kollettiva u kontinwa fi ħdan il-kamra tal-aħbarijiet, ħadem fuq diversi stejjer; kemm dawk ta’ politika, kronika, stejjer esklussivi, aħbarijiet sportivi u dawk internazzjonali u anki stejjer umani. Net News kien tal-ewwel f’diversi stejjer. Apparti minn hekk, id-dehra l-ġdida ta’ Netnews.com.mt għamlitha iktar faċli li n-nies issegwi l-aħħar aħbarijiet ta’ madwarna.

L-aktar statistika riċenti tpoġġi lil netnews.com.mt mal-aqwa 10, fosthom Google, Facebook u Youtube. Is-sit li jagħmel dan l-istħarriġ, Alexa, jistħarreġ miljuni ta’ websites madwar id-dinja. Il-Kap tat-taqsima tal-aħbarijiet Fabian Demicoli qal li Net News se jkompli jaħdem sabiex ikompli jwassal l-ewwel aħbarijiet u l-aqwa servizz, b’mod speċjali hekk kif issa qed toqrob elezzjoni ġenerali.