FILMAT: Muscat: “Ma nafx ta’ min hi Egrant”… jheddidna b’libell

Xahrejn wara li kien qal li t-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama – Egrant – hi ta’ Brian Tonna, illum, il-Prim Ministru Joseph Muscat dawwar il-verżjoni u qal li ma jafx ta’ min hi Egrant. Mistoqsi minn NET News jekk din il-kumpanija li nfetħet ma’ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi hix tiegħu jew ta’ xi ħadd mill-familja tiegħu, Muscat heddidna b’libell.

“Le, neskludiha. Jekk terġa’ tgħidha, nagħmillek libell issa” qal Muscat fir-risposti tiegħu. Risposti simili għal meta NET News kien staqsa lil Joseph Muscat mistoqsijiet dwar l-involviment ta’ Keith Schembri fl-iskandlu tal-Panama saħansitra qabel ma kien għadu ġie żvelat li anke hu għandu kumpanija sigrieta fil-Panama. “Attent għax tissoġġetta ruħek għal libell” kien qal il-Prim Ministru fis-26 ta’ Frar tas-sena li għaddiet. Wara dik it-theddida, kien ġie żvelat li anke Keith Schembri fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.

Mistoqsi minn netnews.com.mt jekk din il-kumpanija li nfetħet ma’ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi hix tiegħu jew ta’ xi ħadd mill-familja tiegħu, Muscat heddidna b’libell.

Il-mistoqsijiet ta’ NET News lill-Prim Ministru lbieraħ saru fid-dawl ta’ dak li ġie indikat mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ddikkjarat li taf min hu s-sid veru tal-kumpanija Egrant, u li se tkun qed tiżvela l-identità.

NET News għamel il-mistosijiet tiegħu lill-Prim Ministru qabel dan laqa’ f’Kastilja delegazzjoni ta’ uffiċjali għolja mill-Ażerbajġan. Filfatt, bħalissa f’Malta hawn il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ażerbajġan Elmar u Mammadyarov kif ukoll il-Viċi-President tal-kumpanija SOCAR.

Il-kumpanija statali taż-żejt tal-Ażerbajġan SOCAR hija l-istess kumpanija li magħha l-Gvern Malti għamel ftehim dwar ix-xiri taż-żejt. Ftehim li l-Awditur Ġenerali kien sab, f’investigazzjoni li għamel, li pajjiżna tilef mal-14-il miljun ewro.

Anke dalgħodu, id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona qal li la hu l-anqas ta’ madwaru ma jafu ta’ min hi l-kumpanija ‘Egrant’. Ara x’qal Chris Cardona fl-artiklu t’hawn taħt.

FILMAT: Cardona jgħid li ma jafx ta’ min hi ‘Egrant’; Jgħid “ma nafux ta’ min hi” wara li Muscat kien qal li hija ta’ Brian Tonna