Lokali

Brian Tonna xtara propjetà ta’ £17-il miljun f’Londra permezz ta’ kumpanija sigrieta fil-BVI

Brian Tonna sfidat jippubblika l-istatements kollha u mhux imbagħbsa ta’ Willerby Trade Inc

Brian Tonna, id-direttur ta’ Nexia BT liema kumpanija fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u sid Egrant fil-Panama, ftit qabel ma kien faqqa’ l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti, kien xtara dar Londra b’valur ta’ 17-il miljun lira sterlina.

Dan kollu kien żvelat illum mis-sit elettroniku daphnecaruanagalizia.com.

Ix-xiri ta’ din il-propjetà f’Londra kien sar mill-kumpanija tiegħu reġistrata fil-British Virgin Islands, Willerby Trade Inc, liema kumpanija twaqqfet f’Ġunju 2013.

Din il-kumpanija li twaqqfet fl-istess żmien li twaqqfu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama, kellha l-iskop li kollox jinżamm mistur mill-awtoritajiet Maltin immma eventwalment dawn il-kumpaniji inkixfu bil-Panama Papers.

Brian Tonna ħallas ħames miljun lira sterlina bħala depożitu għal din il-propjetà u l-kumplament, jiġifieri it-tnax-il miljun lira l-oħra se jkun qed jitħallsu bin-nifs.

F’Malta, Tonna uża l-bank Pilatus biex għamel dan in-negozju, bank li fetaħ wara l-elezzjoni tal-2013 meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern u li Brian Tonna kien strumentali biex dan il-bank kiseb il-liċenzja meħtieġa.

Is-sit daphnecaruanagalizia.com prova jżur il-post minn fejn jaħdem f’Londra dan il-bank imma kien kollu ta’ xejn u mistoqsijiet mibgħuta lil Brian Tonna baqgħu mhux imwieġba.

Fi stqarrija wara l-pubblikazzjoni tal-istorja Brian Tonna ċaħad li xtara xi propjetà f’Londra. Fir-reazzjoni tagħha Daphne Caruana Galizia sfidat lil Brian Tonna biex jippubblika l-istatements kollha u mhux imbagħbsa ta’ Willerby Trade Inc