Il-Partit Laburista, permezz tad-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona u l-Ministru Owen Bonnici, sejħu lill-media u lill-ġurnalisti b’urġenza… biex jiddefendu l-kumpanija ‘Egrant’.
“Brian Tonna diġa qal ta’ min hi dik it-tielet kumpanija ‘Egrant’, u li użaha u xtraha biex ikun jista’ jagħmel użu minnha fis-servizzi li jagħti lill-klijenti tiegħu” qal il-Ministru Owen Bonnici f’kummenti waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex jiddefendi l-kumpanija sigrieta ‘Egrant’.
“Jekk hemm xi domandi li trid tagħmel lil Brian Tonna, agħmilhom lil Brian Tonna” żied jgħid Owen Bonnici, meta mitlub reazzjoni dwar l-istorja ppubblikata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li fiha jintqal li Brian Tonna xtara dar ta’ 17-il miljun sterlina f’Londra permezz ta’ flus li għaddew mill-kumpanija Willerby fil-British Virgin Islands. Brian Tonna huwa l-persuna li f’isem Nexia BT ta struzzjonijiet lil Mossack Fonseca fil-Panama biex jinfetħu t-tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama: Hearnville ta’ Konrad Mizzi, Tillgate ta’ Keith Schembri u Egrant tat-tielet persuna li ismu tant kien importanti li seta’ jingħadda biss permezz ta’ Skype.
Min-naħa l-oħra, id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona ddikkjara li ‘Egrant hija storja ffabrikata, gidba’. U dan minkejja li d-dokumenti tal-Panama Papers juru ċar li Egrant infetħet flimkien ma’ Hearnville u Tillgate. Mistoqsi jekk jemminx lil Brian Tonna meta jgħid li ‘Egrant hija tiegħu, Chris Cardona ddikkjara: ‘iva… magħluqa l-istorja”.
F’kummenti oħrajn, l-esponenti Laburisti, partikolarment il-Ministru Owen Bonnici, ikkritikaw id-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta qal li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jiddefendi lil kull min jikxef informazzjoni dwar ‘Egrant’. Bonnici spjega dan bħala “pass lura flok ‘il quddiem”.
//= $special ?>