Joseph Cassar ġie kkonfermat bħala Segretarju Generali tal-Kumitat Olimpiku Malti wara li għall-ewwel darba mill-1993 ġie kkontestat għall-istess kariga minn Marie Therese Cuschieri. Cassar kiseb 48 vot filwaqt li Cuschieri kisbet 20 vot.
Eliġibbli li jivvutaw kien hemm 36 assoċjazzjoni. Tliet assoċjazzjonijiet ma attendewx u dawn kienu l-Equestrian Sports Association, il-Malta Dance Sport u l-Malta Tennis Federation.
Ta’ min jinnota li Marie Therese Cuschieri u Joe Cassar kienu l-uniċi tnejn li tefgħu n-nomina tagħhom għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Cuschieri tefgħet ukoll in-nomina għal post ta’ Direttur fi ħdan l-Eżekuttiv.
Wara li fl-aħħar 20 sena dejjem kien hemm il-ħtieġa ta’ elezzjoni sabiex ikunu eletti d-diretturi fi ħdan il-KOM din is-sena ma kienx hemm bżonn ta’ elezzjoni għax ħarġu kandidati eżatt kemm jistipula l-istatut.
Fl-erba’ snin li ġejjin se jkun hemm diversi uċuħ ġodda u oħrajn stabbiliti fi ħdan il-KOM. L-Istatut tal-KOM jistipula li l-karigi uffiċjali eżekuttivi ta’ President, Segretarju, Viċi President, Teżorier u Direttur tal-Isport jitilgħu għal terminu ta’ erba’ snin filwaqt li l-postijiet l-oħra ta’ tmien diretturi jitilgħu għal terminu ta’ sentejn.
Julian Pace Bonello ma kienx ikkontestat għal President u l-uniku kandidat għall-kariga ta’ Viċi President kien William Beck. Dan tal-aħħar ħa post Mark Cutajar.
David Azzopardi wkoll ma kienx ikkontestat fil-kariga ta’ Direttur tal-Finanzi u Ivan Balzan se jokkupa l-kariga ta’ Direttur tal-Isport. Hu se jkun qed jieħu post Mario Micallef.
Awtomatikament, Dr. Lucienne Attard, Dr. Kirill Micallef Stafrace, Paul Sultana , Jonathan Vella u l-eks Direttur tal-isport Mario Micallef żammew posthom filwaqt li għall-ewwel darba fil-Kumitat Eżekuttiv hemm Maria Vella Galea, Charlene Attard, u Marie Therese Cuschieri.
//= $special ?>