Lokali

PANIKU: Muscat jgħid li ‘Egrant’ mhux tiegħu: “Staqsu lil Brian Tonna”

L-ewwel qal li 'Egrant' hi ta' Brian Tonna, jumejn ilu qal li ma jafx ta min hi, u issa jridna nistaqsu lil Brian Tonna... imma jgħid li mhux qed iħawwad fil-verżjonijiet

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jinsisti li l-kumpanija ‘Egrant’ mhijiex tiegħu, u mistoqsi għal darb’oħra ta’ min hi t-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama, qalilna biex nistaqsu lil Brian Tonna. Muscat reġa’ semma lil Brian Tonna wara li jumejn ilu qal li ma jafx ta’ min hi ‘Egrant’.

Brian Tonna huwa wieħed mid-diretturi ta’ Nexia BT, il-kumpanija li fetħet il-kumpaniji sigrieti ‘Egrant’, ‘Tillgate’ u ‘Hearnville’ fil-Panama. Hearnville hija tal-Ministru Konrad Mizzi filwaqt li Tillgate hija taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Kien fid-19 ta’ Frar li għadda li Brian Tonna qal li ‘Egrant’ hija tiegħu, minkejja li dokumenti maħruġa fil-Panama Papers juru iswed fuq l-abjad li ‘Egrant’ ma kelliex tkun għal Nexia BT (‘BT’ tfisser Brian Tonna). Dakinhar, Musca kien rikeb dan il-karru u ta x’jifhem li ‘Egrant’ hija ta’ Brian Tonna. “Hemm iswed fuq l-abjad ta’ min hi”, kien qal Joseph Muscat quddiem folla partitarji Laburista, meta għall-ewwel darba f’sena kien ċaħad li Egrant hija tiegħu.

Imma l-istorja nbidlet meta l-ġimgħa li għaddiet, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qalet li saret taf l-identità tat-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama, u li se tkun qed tiżvela din l-identità. Mistoqsi l-għada minn NET News ta’ min hi l-kumpanija ‘Egrant’, Muscat ma rreferiex għal Brian Tonna kif kien għamel fid-19 ta’ Frar, iżda qal li ma jafx ta’ min hi.

Wara dik id-dikjarazzjoni, dalgħodu, Muscat reġa’ rrefera għal Brian Tonna, u qal lil NET News biex nistaqsu lil Brian Tonna ta’ min hi l-kumpanija Egrant. Mistoqsi jekk hux qed iħawwad fil-verżjonijiet, Muscat għażel li ma jweġibx, fejn minflok qal li huwa NET News li qed iħawwad.

Mistoqsi minn The Times kif jista’ jittieħed bis-serjetà dwar kumpaniji offshore wara li baqa’ jżomm maġenbu lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, li t-tnejn inqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, Muscat attakka lill-ġurnalist u qallu: “daqs kemm tistgħu tittieħdu bis-serjetà intom”.