Ftit tal-ħin ilu, f’dik li qed tiġi deskritta bħala l-ewwel storja minn oħrajn li se jiżviluppaw fil-ħin li ġej mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ġie żvelat li s-sena li għaddiet, il-kumpanija tat-tifla tal-President tal-Ażerbajġan għaddiet somom kbar ta’ flus lill-kumpaniji Hearnville Inc, Tillgate Inc u Egrant Inc. Hearnville Inc hi l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi, Tillgate Inc hi ta’ Keith Schembri u Egrant Inc hi ta’ xi ħadd li ismu mistenni jiġi żvelat fis-siegħat jew ġranet li ġejjin.
Daphne Caruana Galizia qed tiżvela li dawn is-somom ta’ flus għaddew f’forma ta’ ħlasijiet fuq self mill-kumpanija Al Sahra FZCO ta’ Leyla Aliyeva, li hi waħda miż-żewġt ibniet ta’ Ilham Aliyev. Il-kumpanija ta’ Aliyeva tinsab fid-Dubai.
Il-pagamenti saru mill-kont ta’ Al Sahra FZCO fil-Bank Pilatus.
Daphne Caruana Galizia qalet li se tkompli tiżvela aktar informazzjoni għada.
Intant, fi stqarrijiet separati, kemm il-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ċaħdu l-allegazzjonijiet u qalu li se jkunu qed jiftħu kawżi ta’ libelli kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>