Lokali

FILMAT: Muscat jgħid li jinsab ‘seren’; mhux se jagħmel inkjesta dwar il-bank Pilatus

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ filgħaxija qal li mhux se jkun qed jordna inkjesta jew investigazzjoni dwar Pilatus Bank, għax skont hu, jekk “nilgħabu mal-qasam finanzjarju jitlef il-pajjiż kollu”, waqt li żied li hemm l-awtoritajiet biex jiddeċiedu f’dan ir-rigward.

Joseph Muscat kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-iskandlu tal-Panama u l-aħbar żvelata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jiġifieri li l-kumpanija ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet urġenti ftit minuti wara li ġiet żvelata din l-aħbar. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, spikka t-ton inkwetat tal-Prim Ministru.

Madanakollu l-Prim Ministru għamel sforz biex jagħti impressjoni mod ieħor. “Jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni ħaseb li se jtellifni s-serenità, żbaljat”, qal Muscat.

Mistoqsi dwar id-dokumenti li Caruana Galizia qed tgħid li għandha, Muscat qal li din għandha tmur għand il-Pulizija u tagħmilhom disponibbli biex ikunu awtenikati. Imma mistoqsi kif jista’ jittieħed bis-serjetà meta l-Kummissarju għadu ma bediex jinvestiga r-rapport tal-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama u l-involviment ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, Muscat naqas milli jwieġeb.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, numru ta’ ġurnalisti oħra kienu qed jistennew lill-Prim Ministru barra minn Kastilja, iżda hemmek, Muscat irrifjuta li jkellem lill-ġurnalisti.