“Dawn huma żviluppi ta’ gravita kbira. Hawn allegazzjonijiet serji ta’ reati kriminali f’pajjizna u n-nies qed iħossuhom traduti.”
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta f’xandira fuq Net Television ta l-ewwel reazzjoni tiegħu għall-iskandlu żvelat minn Daphne Caruana Galizia li żvelat li l-kumpanija Egrant hi ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru Joseph Muscat.
“Pajjiżna ma jixraqlux u ma jistax jibqa’ f’din is-sitwazzjoni. L-inqas ħaġa li kont nistenna li ssir kienet li l-Prim Ministru jahtar inkjesta indipendenti. Lanqas dan ma ghamel.”
Simon Busuttil qal li Joseph Muscat ġab lilu nnifsu f’din is-sitwazzjoni meta iktar minn sena ilu, flok keċċiehom, Joseph Muscat żamm lil Konrad Mizzi u Keith Schembri mieghu f’Kastilja. “Illum ħadd ma jista jemmen lil Joseph Muscat. Hu tilef kull awtorita’ morali,” tenna l-Kap tal-PN
Hu qal li l-pajjiż ma jixraqlux Prim Ministru bi sħaba kerha ta’ korruzzjoni fuq rasu. “Kont nistenna li l-istituzzjonijiet jieħdu passi biex il-liġi tkun rispettata. Li l-Kummissarju tal-Pulizija jiftaħ investigazzjoni, jissiġġilla Pilatus bank fil-preżenza ta’ maġistrat. Iżda minflok, il-provi jitħallew jintilfu.”
Simon Busuttil appella lil kulmin hu ta’ rieda tajba biex “flimkien bħala forza nazzjonali inneħħu l-iktar Gvern korrott fl-istorja u l-poplu Malti jkollu l-Gvern li jixraqlu.”
“Jien għandi fiducja li dan nistgħu nagħmluh u noħorġuh mill-isqaq li daħal fih,” temm Simon Busuttil
//= $special ?>