#muscatgate Lokali

FILMAT: Korruzzjoni fil-bejgħ tal-passporti

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żvela li Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat daħħal flus f’tixim mill-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u għandu kompla billi stqarr li għandu jkun arrestat immedjatament u interrogat dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

“Jien għandu l-provi ta’ dan kollu u għada filgħodu se ngħaddi l-informazzjoni kollha lill-Maġistrat Aaron Bugeja li qed jinvesta l-każ tal-kumpanija Egrant”, stqarr Simon Busuttil u kompla: “Il-Prim Ministru kien is-salesman u ċ-Chief of Staff tiegħu kien qed idaħħal il-commissions mill-bejgħ tal-passaporti”

Simon Busuttil qal li dak li ilna nissuspettaw illum nistgħu nikkonfermawh. Hu qal li staqsa jekk iċ-Chief of staff Keith Schembri għandux kont bankarju fil-Pilatus Bank waqt ilprogramm Xarabank. Iżda l-Prim Ministru rrifjuta li jwieġeb lilu u lill-ġurnalisti. Jikkonferma li llum Keith Schembri għandu kont bankarju fil-Bank Pilatus – fil-bank daħlu flus minn tixħim mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza li hi maqbuda fix-xibka ta’ korruzzjoni f’Kastilja.

Fl-aħħar ġimgħat, Simon Busuttil hu talab lil kull min għandu informazzjoni jgħaddiha u jkun protett. Qal li kienet daħlitlu informazzjoni u provi, u jħoss li fl-interess pubbliku jitkellem dwarha.

Jirriżulta li fil-Pilatus Bank kien hemm kont bankarju f’iserm Willerby Trade Inc reġistrata fil-British Virġin Islands. Is-sid inkixef fil-leaks tal-Panama Papers u li hu l-konsulent tal-Prim Ministru, Brian Tionna.

F’okkażjoni minnhom daħlu €166,831.90ċ u l-pagamenti saru lill-kumpanija ta’ Brian Tonna mill-persuni ta’ nazzjonalità Russa li ħallsu lil Brian Tonna għas-servizz biex jixtru ċittadinanza Maltija. Illum dawn xtraw iċ-ċittadinaza Maltija u Simon Busuttil qal li għandu isimhom. Fil-Pilatus Bank kien hemm kont bankarju f’Keith Schembri u ftit wara li Brian Tonna rċieva l-flus mingħand ir-Russi, għamel żewġ pagamenti lil Keith Schembri ta’ €50,000-il wieħed għal total €100,000. Il-flus għaddew għand Keith Schembri mill-istess kumpanija ta’ Brian Tonna li rċeviet il-flus mingħand il-barranin jiġifieri mill-kont tal-kumpanija ta’ Brian Tonna, Willerby Trade Inc.

Meta kienu mitluba jispjegaw it-trasferimenti ta’ flus suspettużi kemm Keith Schembri u Brian Tonna taw l-iskuża banali li Brian Tonna kien qed iħallas lura lil Keith Schembri għal self li dan kien taħ meta kien qed jissepara – bħal dak li qallu Brian Tonna għandu bżonn lil min isellfu €100,000, qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li d-dettalji li jagħti huma fatti bil-provi u meta tgħaqqadhom flimkien tasal konklużjoni li Brian Tonna kien qed jgħaddi commissions lil Keith Schembri fuq il-bejgħ taċ-ċittadinaza. Jiġifieri dawn kienu qed ibiegħu iċ-ċittadinanza tagħna, l-identità tagħna u jagħmlu l-commission minn fuq dahrna qal Simon Busuttil.

Qal li Josperh Muscat tant siefer hu personalment biex ibiegħ iċ-ċittadinanza li ħoloq dubju serju f’moħħ in-nies dwar x’interess għandu l-Prim Ministru li jsiefer hu personalment biex tinbiegħ din l-iskema meta dawn l-affarijiet is-soltu jsiru minn uffiċjali pubbliċi.