Wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żvela li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rċieva €100,000 f’tixħim minn kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna fil-British Virgin Islands, il-Prim Ministru ddikkjara li għandu fiduċja f’Keith Schembri.
Aktar kmieni, Muscat prova jirredikola lil NET News meta ffaċċjat b’mistoqsijiet dwar il-każ, iżda magħfus minn grupp ta’ ġurnalisti fi tmiem żjara f’żewġ fabbriki, il-Prim Ministru ddikkjara li jemmen dak kollu li jgħidlu Keith Schembri.
“Naħlef għal kull min għandi fiduċja fih” qal il-Prim Ministru meta mistoqsi jaħlifx għal Keith Schembri. “Nemmen il-verżjoni li tani Keith Schembri” qal il-Prim Ministru, f’kummenti simili għal dawk li kien għamel meta sena ilu kien inqabad ma’ Konrad Mizzi li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Mistoqsi jekk staqsiex lill-awtoritajiet indipendenti biex jinvestigaw dak li ġie żvelat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, u jekk iħossx li jkun qed jagħmel disservizz lill-pajjiż jekk ma jagħmilx hekk, Muscat dawwar id-diskors u qal “jagħmel disservizz min jitlob li jitpoġġew in-nies il-ħabs”. Dan b’reazzjoni għall-appell li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex Keith Schembri jiġi arrestat u mressaq il-qorti fuq tixħim u ħasil tal-flus.
Mistoqsi minn NET News jekk jibżax mill-prospett li xi ħadd mill-klikka tiegħu jispiċċa l-ħabs, viżibbilment konfuż, il-Prim Ministru reġa’ dawwar id-diskors u ma weġibx għall-mistoqsija.
Ara l-kummenti kollha tal-Prim Ministru fil-filmat.
//= $special ?>