Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara li ġie żvelat li l-whistleblower marret tixhed quddiem il-Maġistrat dwar l-iskandlu ‘Egrant’, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal lil NET News “se taqgħu għaċ-ċajt waħda kbira”.
Din hija preċiżament l-istess frażi li Muscat kien uża ma’ NET News meta sena ilu kien mar jistaqsi dwar l-involviment taċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, saħansitra qabel ma kien għadu ġie żvelat xejn dwar Keith Schembri.
Aktar kmieni, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia rrappurtat li l-whistleblower illum marret tixhed quddiem il-Maġistrat, fejn damet tixhed tlett siegħat. Il-whistleblower hija l-istess persuna li għaddiet id-dokumenti u l-provi lil Caruana Galizia, provi li jikkonfermaw li l-kumpanija sigrieta Egrant hija tal-mara tal-Prim Ministru.
Fil-jiem li għaddew ukoll, ġie żvelat minn Caruana Galizia, li għaddew aktar minn $1 miljun minn kont sigriet ta’ bint il-President tal-Ażerbajġan għall-kont sigriet tal-kumpanija Egrant.
//= $special ?>