#muscatgate Lokali

Il-Kap tal-PN iħabbar ħames proposti għal Għawdex

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil preżenta ħames proposti li bihom se tkun qed tgawdi l-gżira Għawdxija. Ħabbar dawn il-proposti waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċittadella f’Għawdex.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din hija l-ewwel darba li partit politiku intrabat li jniedi programm elettorali speċjali għal Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista huwa kburi li ħareġ b’din l-inizjattiva għax dan jikkonferma kemm il-PN huwa l-partit li tassew għandu viżjoni għal Għawdex. Il-programm elettorali speċjali għal Għawdex tħejja wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika wiesa’ li bdiet f’Jannar li għadda wara l-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u li waslet fi tmiem proprju fl-aħħar jiem.

L-ewwel proposta li ppreżenta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kienet li ssir emenda kostituzzjonali biex Għawdex jiġi rikonoxxut bħala gżira reġjun, għalhekk se tiġi ppubblikata white paper dwar it-twaqqif ta kunsill reġonali għal Għawdex. Dan il-kunsil reġjonali ikollu status rikonoxxut mill-Unjoni Ewropea sabiex ikun jista’ jinnegozja pakkett finanzjarju speċifiku għal Għawdex, li jlaħħaq il-250 miljun ewro għal Għawdex biss.

Proposta oħra hi dik li l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġa jingħadda lura lill-poplu Għawdxi. Dan għaliex il-partit Nazzjonalista ma jaqbilx fil-prinċipju li l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandu jkun privatizzat.

It-tielet proposta hi dik biex Gvern Nazzjonalista iħajjar familji żgħażagħ bie jissetiljaw f’Għawdex b’inċentiv finanzjarju ta’ €10,000. Skema li tkun lesta fl-ewwel 3 xhur tal-leġiżlatura.

Fl-ewwel mitt jum tiegħu Gvern Nazzjonalista se jerġa jdaħħal is-servizz ta’ vapur minn Għawdex lejn il-Belt Valletta filwaqt li jiddaħħal is-servizz ġdid ta’ fast ferry lejn Għawdex u Malta.

Il-Kap tal-PN semma l-proposta wkoll ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara xi studji saru u gvern Nazzjonalista jibda minnufih għal dan il-proġett.

Preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-kandidati Joe Ellis, Chris Said, Marthese Portelli, Ryan Mercieca, Maria Portelli, David Stellini, Fredrick Azzopardi u Ċensu Galea.