Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux tort tiegħu li r-reputazzjoni ta’ Malta qed titkisser minħabba l-iskandlu tal-Panama, għax skont hu, huwa l-Partit Nazzjonalista l-aktar li jsemmi l-kelma “Panama”.
Joseph Muscat għadda dawn il-kummenti waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Furjana, li matulha kien mistoqsi dwar il-kummenti li għadda Ministru Ġermaniż li Malta saret qisha “il-Panama tal-Ewropa”.
Il-kummenti tal-Ministru Ġermaniż saru dwar allegazzjonijiet li Malta tħaddem sistema ta’ kumpaniji offshore. Imma NET News staqsa lill-Prim Ministru Joseph Muscat jekk jaħsibx li l-kummenti ta’ dan il-Ministru Ġermaniż kienux ikunu l-istess li kieku Malta kinitx implikata fl-iskandlu tal-Panama. Kien hawnekk fejn il-Prim Ministru farfar ir-responsabbiltà billi qal li huwa l-Partit Nazzjonalista l-aktar li jsemmi l-kelma “Panama”.
Imma minkejja li l-Prim Ministru qed ifarfar ir-responsabbiltà dwar il-kriżi li jinsab fiha pajjiżna, Muscat kien sfurzat isejjaħ elezzjoni bikrija minħabba l-korruzzjoni u l-iskandlu tal-Panama. Dan kien ikkonfermat mill-mod kif il-gazzetti kollha madwar id-dinja rrappurtaw l-aħbar li Muscat sejjaħ elezzjoni bikrija minħabba l-korruzzjoni.
Ilbieraħ tħabbar li l-kumpanija Hiscox, li se titlaq mir-Renju Unit minħabba l-Brexit, għażlet li tirriloka fil-Lussemburgu minflok f’Malta.
Ilbieraħ ukoll, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iddikkjara li lest imur f’kull kantuniera tad-dinja biex jerġa’ jgħolli r-reputazzjoni ta’ Malta. Imma għal darb’oħra, dalgħodu, il-Prim Ministru qal li l-ħsara qed issir mill-ġurnalisti li kixfu l-iskandlu tal-Panama.
//= $special ?>