Elezzjoni 2017 Għawdex Lokali

FILMAT: “Il-Partit Nazzjonalista għaraf jagħti l-importanza li Għawdex għandu bżonn”

Mill-arkivji
Wara li l-PN nieda 100 proposta għal Għawdex - qasmu ħsibijiethom tliet kelliema fl-attivita' politika f'Għajnsielem

Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, fl-attivita’ f’Għajnsielem Għawdex – tkellmu tliet kelliema li qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-100 proposta tal-Partit Nazzjonalsita għal Għawdex.

Minkejja li l-elezzjoni ġiet sena qabel, il-Partit Nazzjonalista kien ilu dawn l-aħħar 4 snin jipprepara l-programm elettorali – fejn saħansitra tnediet il-Konvenzjoni Idea Għawdex mill-Partit Nazzjonalista.

L-Inġinier Simon Mizzi qal li l-Partit Nazzjonalista għandu idea ċara ta’ x’hemm bżonn għall-poplu Għawdxi. Il-President ta’ Idea Għawdex qal li għax l-Partit Nazzjonalista ltaqa’ u sema’ dak li jridu l-Għawdxin, issa għandu f’idejh l-aqwa manifest għall-gżira Għawdxija.

Il-qasam tat-turiżmu f’Għawdex ukoll ġie indirizzat fl-attivita’ politika, fejn Mark Busuttil qal li dan l-ewwel programm elettorali speċifiku għal Għawdex jagħti kuraġġ kbir lill-Għawdxin, hekk kif il-Partit Nazzjonalista għaraf l-importanza t’Għawdex u kif jista’ jindirizza n-nuqqasijiet. Mark Busuttil qal li t-tibdil propost fil-Kostituzzjoni dwar ir-reġjonalita’ ta’ Għawdex tgħin biex ikun hemm tmexxija aktar diretta.

F’din l-attivita’ politika, indirizzat lill-folla preżenti wkoll l-avukat Nadia Vella, fejn qalet li mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali laqtuha bosta ideat li jittrattaw is-settur tal-familja, bħal fost l-oħrajn is-servizz ta’ childcare għall-kulħadd. Pero wkoll indirizzat il-problema dwar l-isptar f’Għawdex.