Uffiċjali għolja tal-Gvern u tal-AIr malta, kif ukoll membri tal-bord tal-Air Malta giddbu lill-Prim Ministru meta qalu li m’humiex infurmati b’taħdidiet ma’ imsieħba strateġiċi. Dan jikkontradixxi kummenti li għamel il-Prim Ministru stess il-ġimgħa li għaddiet meta qal li l-Gvern qed jistenna aħbar tajba fuq il-futur tal-Air Malta.
Kien il-ġurnal The Times li f’rapport ippubblikat aktar kmieni kkwota numru ta’ uffiċjali għolja tal-Air Malta li saħqu li m’humiex infurmati li għaddejjin taħdidiet ġodda wara li kienu fallew it-taħdidiet mal-Alitalia.
L-istess sorsi qalu li fit-taħdidiet mal-Alitalia kienu jinżammu fid-dlam. Madanakollu, xorta waħda kienu jafu li għaddejjin xi diskussjonijiet għax ta’ spiss kienu jintalbu jipprovdu informazzjoni u data essenzjali. Bħalissa dan mhux qed iseħħ.
Imma l-Prim Ministru Joseph Muscat, f’kummenti lill-media insista li hemm diskussjonijiet. “Nikkonfermalek li għaddejjin diskussjonijiet ma’ kumpaniji u entitajiet differenti” qal il-Prim Ministru f’risposta għall-mistoqsija ta’ NET News.
Imma minkejja dan, is-sorsi li tkellmu ma’ The Times qalu li jinsabu nfurmati li l-Gvern mhux talli m’hu qed jinnegozja ma’ ħadd, iżda talli ddeċieda li ma jagħmilx ċaqlieq kbir sakemm tgħaddi l-elezzjoni, bl-istess uffiċjali tal-Air Malta jesprimu tħassib dwar il-futur tal-postijiet tax-xogħol fl-Air Malta, b’biża’ li wara t-3 ta’ Ġunju, il-Gvern ikun jista’ jqaċċat ħaddiema kemm irid mingħajr riperkussjonijiet politiċi.
//= $special ?>