Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, f’konferenza tal-aħbarijiet urġenti, żvela kif iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri għadda lill-eks CEO tat-Times, l-Allied Newspapers, Adrian Hillman, somma li tlaħħaq is-sitt mija u ħamsin elf ewro (€650,000).
Din l-informazzjoni waslet għand Simon Busuttil wara li appella lil min għandu xi tip ta’ informazzjoni dwar korruzzjoni, biex jgħaddiha lilu.
Simon Busuttil iddikjara li “għal dawn il-pagamenti m’hemm l-ebda raġuni u l-ebda spjegazzjoni. Il-pagamenti mingħand Keith Schembri saru minn kumpaniji sigrieti u strutturi li mill-ewwel jindikaw li hawn każ ieħor klassiku ta’ tixhim u ta’ ħasil ta flus ġejjin min reati kriminali. Fi kliem ieħor dan huwa text-book case ieħor ta’ ħasil ta’ flus li, nfakkar li tant huwa reat kriminali serju li jġib miegħu piena ta’ tminxtax-il sena ħabs.”
Simon busuttil kompla li għandu fil-pussesss tieghi provi dokumentati ta’ pagamenti minn Keith Schembri u kumpanija sigrieta tieghu bl-isem ‘Malmos’ kif ukoll minn kontijiet bankarji differenti ta’ Keith Schembri, inkluż minn banek fl-Izvizzera, f’Ġibilta’ u bl-involviment ta’ Pilatus Bank.
“Il-flus għaddew jew direttament lil Hillman jew lill-kumpanija sigrieta tiegħu fil-BVI bl-isem ta Lester Holdings, kumpanija mwaqqfa għalih, naturalment mill-kompliċi l-ieħr Brian Tonna,” kompla Simon Busuttil.
Dan wara li nħolqot struttura, permezz ta diversi kumpaniji sigrieti u intermedjarji finanzjarji, sabiex dawn il-mijiet ta eluf ta ewro ġew trasferiti, mingħajr ebda proċess ta verifiki kif tilob il-liġi dwar il-ħasil ta flus u l-istess flus ġew immedjatament riċiklati inkluż permezz ta xiri ta bonds f’qasir żmien ħafna, ħafna drabi f’temp ta’ 24 siegħa biss u wara, il-bejgħ tal-istess bonds biex il-flus maħmuġin jitnaddfu.
Simon Busuttil iddijkjara l-fatti kif ġraw:
1. F’pagament wieħed, Keith Schembri għadda is-somma ta’ xejn anqas minn US$169,875.60. Dan il-pagament sar minn kont moħbi ta Keith Schembri fil-bank Svizzeru Credit Suisse. Wara li waslu, dawn il-flus inħaslu billi ġew investiti f’bonds internazzjonali permezz ta intermedjarji finanzjarji.
2. Fi trasferiment ieħor Keith Schembri uża l-kumpanija sigrieta tiegħu f’Ġibilta bl-isem ta’ Malmos Limited li għandha numru ta reġistrazzjoni 99648 biex għadda is-somma ta’ US$135,870.
Dan it-trasferiment sar minn kont f’bank gewwa Ġibilta’ bl-isem ta Jyske Bank (Gibraltar) Limited. Dakinhar stess ta’ dan it-trasferiment dan l-ammont kollu gie investit f’sitt bonds u funds internazzjonali biex inbeda l-proċess biex dawn il-flus jinħaslu.
Mill-kumpanija Malmos, f’okkażjoni oħra Keith Schembri ħallas lil Lester Holdings is-somma ta €125,000. Dan l-ammont ukoll ġie riċiklat permezz ta xiri ta bonds internazzjonali.
3. Fi trasferiment ieħor Keith Schembri għadda is-somma ta’ €100,000 lill-kumpanija sigrieta Lester Holdings u fi ftit jiem dawn ukoll ġew investiti f’bonds biex ħadd ma jinduna minn fejn ġew.
4. Keith Schembri għadda ammont ieħor ta €154,477, din id-darba permezz ta’ aktar min 24 pagament wieħed wara l-ieħor, ħafna drabi ta €5,000 il-wieħed – dawn għaddew minn banek differenti, fosthom il-famuż Pilatus Bank li fih anki għall-kumpanija ta’ Hilmann infetaħ kont.
Simon Busuttil iddikjara wkoll li d-dettalji oħra li għandu huru biċ-ċar kemm f’dan il-każ kien hemm intenzjoni ta’ reat kriminali ta’ ħasil ta’ flus:
1. It-total kumplessiv tal-pagamenti li saru jlaħħqu is-somma ta’ €650,000. Mhux esklu ukoll li hemm pagamenti oħra.
2. Ma teżisti l-ebda spjegazzjoni raġunata għaliex xi ħadd bħal Hillman kellu jirċievi dawn il-flejjes kollha mingħand Keith Schembri. Simon Busuttil iddikjara li “l-invoices li ntużaw sabiex attaparsi jiġġustifikaw dawn it-trasferimenti fil-kont ġewwa Pilatus Bank huma manifestament suspettużi, mbagħbsa u magħmula ta’ malajr.”
3. L-unika flus li waslu fil-kont ta Lester Holdings f’Pilatus Bank oriġinaw mingħand Keith Schembri jew kumpaniji tieghu.
4. Kif faqqa l-iskandlu tal-Panama Papers dan il-kont fil-Pilatus Bank ingħalaq.
5. Il-pagamenti saru bejn l-2011 u l-2015, jiġifieri kemm qabel l-elezzjoni – meta Keith Schembri kien id f’id ma’ Joseph Muscat iħejji lill-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-2013 u kemm wara l-elezzjoni, jiġifieri sa sentejn wara li Keith Schembri beda jmexxi l-uffiċċju tal-Prim Ministru u suppost kien qata’ kompletament kull sehem li kellu fin-negozju tiegħu. Naturalment waqfu fl-2015 għax faqqa’ PanamaPapers.
Simon Busuttil iddikjara wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija kien jaf b’dan kollu, mill-inqas sa mill-aħħar tas-sena li għaddiet, u ma għamel assolutament xejn. Fid-dawl ta’ dan ħabbar li se jpoġġi mill-ġdid lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-Maġistrat sabiex jippreżenta l-provi kollha li għandu.
“F’Kastilja mhux korrotti biss hemm imma kriminali – u pajjiżna ma jixraqlux hekk u ma jistax jibqa’ sejjer hekk,” stqarr Simon Busuttil.
//= $special ?>