Lokali

Għexieren ta’ pumpiera u voluntiera jikkumbattu kontra nar qawwi fl-Impjant tar-Riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin

Madwar 9 vetturi tat-tifi tan-nar u għexieren ta’ pumpiera u voluntiera minn għaqdiet mhux governattivi għaddejjin b’ħidma bla waqfien biex ikkontrollat nar qawwi li ħakem u qered partijiet mill-impjant ta’ Sant’Antnin.

Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident, b’madwar 200 ħaddiem ta’ dan l-impjant li ġew evakwati mill-post. Bdiet ħidma wkoll bil-kollaborazzjoni ta’ operaturi privati ta’ bawżers li ntlabu jassistu lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili bit-trasport ta’ ilma lejn l-impjant.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li n-nar beda għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin għoxrin ta’ wara nofsinhar mill-parti tal-impjant fejn jiġi separat il-plastik miġbur mid-djar fil-boroż griżi.

In-nar qered mhux biss parti minn dan l-impjant imma nfirex lejn il-bitħa fejn kien hemm bajla fuq l-oħra ta’ plastik impoġġi fuq xulxin u kompla jinfirex anke minħabba r-riħ.

Fil-post waslu wkoll uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li għalqu l-aċċess għall-bypass ta’ Wied il-Għajn waqt li ħaddiema tal-Enemalta assiguraw li sub station fil-qrib ma tkunx affettwata min-nar.

Ħarġet ukoll twissija biex ir-residenti tal-inħawi jibqgħu ġewwa, minħabba d-dħaħen tossiċi kkawżati mill-plastik li nħakem min-nar.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali biex ikun stabbilit jekk dan kienx inċident, jew inkella jekk in-nar bediex minħabba negliġenza jew apposta. Il-ħidma tal-membri tat-tifi tan-nar mistennija tibqa’ għaddejja mhux biss biex in-nar jiġi kkontrollat imma wkoll biex jitneħħa l-periklu.

Sadattant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista appella lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jinfurmaw lill-pubbliku bil-perikli assoċjati ma’ dan in-nar.

L-istess stqarrija twissi li d-deċiżjoni tal-Partit Laburista li l-impjant jittieħed lejn il-Magħtab iżid b’mod sinifikanti l-perikli minħabba li inċident simili jista’ jwassal biex in-nar jinfirex għall-miżbla fejn għal snin twal intrema’ kull tip ta’ skart mhux trattat.

L-iskart separat se jinġabar bħas-soltu

Wara dan l-inċident, il-kumpanija GreenPak infurmat lill-pubbliku li l-kollezzjoni tal-boroż griżi u suwed se ssir illum, it-Tlieta, kif isir is-soltu. Madankollu l-istess kumpanija appellat lill-pubbliku biex kemm jista’ jkun jagħmel użu mill-bring in sites sakemm is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal.

Sar ukoll appell biex il-pubbliku jissepara l-iskart differenti biex b’hekk jitnaqqas il-bżonn li dan il-proċess isir b’mod mekkaniku fil-faċilità ta’ Sant’Antnin. Dan minħabba li n-nar affettwa l-faċilità ta’ Marsaskala.

Biex ma tinħoloqx problema oħra, GreenPak se żżid il-frekwenza li biha jitbattlu l-bring in sites mis-siti differenti madwar Malta u Għawdex.

Avviż ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem

Fi stqarrija d-Direttorat tas-Saħħa ħareġ sensiela ta’ twissijiet biex il-pubbliku ma jkunx espost għal duħħan jew partiċelli fl-arja kkawżati mill-ħruq tal-plastik u materjal ieħor fl-impjant.

Il-pubbliku qed ikun imwissi biex jibqa’ fuq ġewwa u jara li l-arja fuq ġewwa ma tiġix kontaminata, fost l-oħrajn billi t-twieqi u bibien jibqgħu magħluqa.

F’każ li xi persuni jħossu sintomi relatati mad-duħħan li jista’ jkun li belgħu, dawn huma mħeġġa biex jikkuntattjaw lit-tabib tagħhom. Fost is-sintomi li wieħed jista’ jesperjenza hemm problema biex wieħed jieħu n-nifs jew problemi respiratorji oħra.

Min ikollu bżonn xi informazzjoni jintalab jikkuntattja lid-Direttorat tas-Saħħa fuq 2132 4086.