Żewġ investituri kbar li bejniethom mistennija jinvestu mal-€40 miljun qed jistennew ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali sabiex jaraw jekk ikomplux bil-pjani tagħhom li jiġu Malta, jew imorru Ċipru jew il-Lussemburgu.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil hekk kif irċieva messaġġ ftit qabel bdiet konferenza stampa bħala parti mill-programm ta’ xandiriet politiċi tal-Awtorita’ tax-Xandir.
Simon Busuttil qal li qed immorru għall-elezzjoni kmieni għaliex minkejja li rebaħ l-aħħar elezzjoni b’maġġoranza qawwija, Joseph Muscat rema kull opportunità biex jagħmel dak li hu sewwa u għereq fil-korruzzjoni wara li tlieta min-nies ħatfu l-Gvern u l-istituzzjonijiet.
Mistoqsi dwar il-kumpanija Egrant, Simon Busuttil qal hemm diversi fatturi li jsaħħu s-suspetti li din il-kumpanija fil-Panama hi tal-PM. Hu qal li Joseph Muscat tilef kull kredibilità wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama u ma keċċiex lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Simon Busuttil staqsa għaliex Muscat ma stenniex lill-Maġistrat ilesti l-inkjesta dwar Egrant. Min-naħa l-oħra, Simon Busuttil qal li f’dawn l-aħħar 4 snin ħadem bis-sħiħ sabiex il-PN jerġa’ jkun il-partit tan-nies u hu determinat fil-missjoni tiegħu li jnaddaf is-sistema politika tal-pajjiż.
Mistoqsi dwar il-finanzjament għall-proposti elettorali tal-PN, Simon Busuttil qal li l-infrastruttura, b’mod partikolari t-toroq, tħalliet għal rieħha. Fakkar li hemm pakkett ta’ fondi ta’ kważi €1.2 biljun li Muscat bilkemm beda jarah. Qal ukoll li se tinqata’ l-ħela u semma kif il-kabinett enormi ta’ Muscat, sewa €100 miljun waħdu filwaqt li l-mijiet ta’ positions of trust żiedu n-nefqa bi €800 miljun f’erba’ snin.
Waqt il-konferenza stampa, il-Kap tal-PN kien mistoqsi dwar id-drittijiet ċivili, l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u s-suq tal-kera.
Fil-konklużjoni, tiegħu, il-Kap tal-PN staqsa min se jkun qed inaddaf pajjiżna, Joseph Muscat, li ħammġu hu stess jew hu stess, li ħadem biex inaddfu.
Hu qal li għandu fiduċja kbira li fit-3 ta’ Ġunju, il-poplu Malti, bħalma dejjem għamel, għal darb’oħra se jagħmel għażla għaqlija.
Ara l-programm kollu f’dan il-link:
//= $special ?>