“Il-kummenti tal-Prim Ministru jikkostitwixxu pressjoni mhux xierqa fuq il-maġistrat inkwirenti u jeċċedu kull limitu ta’ prudenza u responsabbilta'”.
Stqarret dan il-Kamra tal-Avukati hekk kif qed ikompli jiżdied il-kor ta’ tħassib u diżapprovazzjoni għall-kummenti li għadda Joseph Muscat fil-konfront tal-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta dwar Egrant.
Il-Kamra tal-Avukati qalet li hi mħassba serjament b’dawn il-kummenti “in kwantu li għabbew lill-Maġistrat inkwerenti b’responsabbilta’ għal riżultat elettorali u l-konsegwenzi eventwali.” Il-Kamra tal-Avukati fakkret li kien il-Prim Ministru stess li pprovoka l-inkjesta maġisterjali u kien hu stess li ftit jiem wara sejjaħ elezzjoni fl-iqsar żmien li tippermetti l-Kostituzzjoni, kif inhi l-prerogattiva tiegħu.
Il-Kamra tal-Avukati qalet li hu magħruf li l-inkjesti jieħdu ż-żmien tagħhom u li l-maġistrat inkwirenti qed jiddedika l-ħin kollu għal din l-inkjesta fid-dawl taċ-ċirkostanzi taż-żmien li fiha ntalbet.
“Il-gudikatura għandha dejjem titħalla taqdi dmirijietha b’serenita’ u mingħajr indħil jew pressjoni. Dan japplika aktar u aktar fi żmien ta’ tensjoni ta’ qabel elezzjoni ġenerali,” sostniet il-Kamra tal-Avukati.
Il-Kamra tal-Avukati tappella lil kull min ghandu influwenza fuq l-opinjoni pubblika inkluż ġurnalisti u bloggers u b’mod partikolari l-politiċi biex irażżnu l-kummenti fil-konfront tal-ġudikatura.
//= $special ?>