Elezzjoni 2017 Lokali

Tixħim u korruzzjoni mill-bejgħ tal-Enemalta – TMIS

Il-Financial Intelligence Analysis Unit – l-FIAU – investiga wkoll il-possibilta’ ta’ tixħim f’kuntratt ieħor kbir. Din id-darba dwar il-bejgħ tal-Enemalta lill-kumpanija tal-Gvern Ċiniż Shanghai Electric Power u s-suspett ta’ kickbacks għall-Ministru Konrad Mizzi u Cheng Chen, li kien involut fil-bejgħ tal-Power Station tal-BWSC liċ-Ċiniżi.

Żvelat dan il-gazzetta The Malta Independent on Sunday u t-tixħim kien ippjanat permezz tal-kumpaniji sigrieti tagħhom, il-kumpanija Hearnville irreġistrata fil-Panama għal Konrad Mizzi u l-kumpanija Torbridge Services, irreġistrata fil-British Virgin Islands.

Il-kumpaniji infetħu minn Nexia BT, ta’ Brian Tonna, il-konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-accountant ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Il-gazzetta hi nformata li l-investigazzjoni tal-FIAU kienet kważi konkluża iżda meta bdew ifeġġu siltiet ta’ rapporti tal-FIAU, ir-rapport kien issiġġillat.

Dwar il-kumpanija Torbridge ta’ Cheng Chen, l-FIAU esprima d-dubji dwar il-fatt li  Karl Cini ta’ Nexia BT qal li se jibgħat id-dokumentazzjoni dwar Torbridge separatament u bl-idejn lil Hamidreza Ghanbari, il-Kap Eżekuttiv ta’ Pilatus bank. L-FIAU hi mħassba għaliex normalment, Kap Eżekuttiv ma jkunx involut fi procedura biex tiftaħ kont.f’bank.

Numru kbir ta’ vjaġġi lejn iċ-Ċina 

Fatt ieħor li qajjem suspetti fi ħdan l-FIAU huwa n-numru kbir ta’ vjaġġi li għamel Konrad Mizzi lejn iċ-Ċina. Fil-fatt, Konrad Mizzi mar iċ-Ċina xejn inqas minn 17-il darba bejn Settembru 2013 u Marzu 2016. Kien innutat ukoll li minkejja li għandu familja fiċ-Cina, Konrad Mizzi kien alloġġjat f’lukandi f’16 minn 17-il vjaġġ. Iktar minn hekk, in-numru spiss ta’ vjaġġi jidher stramb meta jitqies li ftehim bejn Malta u ċ-Ċina kienu prattikament konklużi.

Fl-2015: Tikber l-urġenza biex jinfetaħ kont bankarju f’Dubai

L-FIAU innota wkoll il-fatt li l-korrispondenza bejn Karl Cini u Mossack Fonseca mal-2015 juru insistenza min-naħa ta’ Cini sabiex jinfetħu kontijiet bankarji għall-kumpanija Hearnville ta’ Konrad Mizzi.

Barraminhekk, l-FIAU ma emmnitx id-dikjarazzjoni ta’ Konrad Mizzi li qatt ma pprova jiftaħ kont bankarju u ma ta ebda prokura meta fir-realta’ hu ffirma prokura fis-16 ta’ Ġunju 2015 li tat setgħat sħaħ lil Karl Cini relatat mal-ftuħ ta’ Trust fi New Zealand u l-kumpanija fil-Panama.

Barraminhekk, l-FIAU stabbiliet li kien hemm diversi tentattivi minn Konrad Mizzi biex jiftaħ kontijiet bankarji f’Dubai, tant li Mizzi mar personalment f’Dubai biex jipprovdi dokumentazzjoni lil bank f’Dubai. Dan igiddeb dak li qal Konrad Mizzi stess lill-Kumitat PANA fi Frar li għadda.

Lanqas ma’ kienet konvinċenti l-ispjegazzjoni ta’ Konrad Mizzi li waqqaf din l-istruttura biex ipoġġi l-propjeta’ f’Londra fiha. Dan għaliex l-assi li semma li għandu, ma jiġġustifikawx l-ispejjeż relatati biex tiftaħ u żżomm l-istrutturi fil-Panama u New Zealand.