Lokali

Id-Direttur Manigerjali tal-Independent iressaq il-provi tat-tixhim ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi

Ftit tal-ħin ilu d-direttur tal-kontenut ta’ The Malta Independent Pierre Portelli mar il-Qorti quddiem il-maġistrat sabiex jippreżenta l-provi dwar skandli ġodda li żvelaw l-independent.com.mt kif ukoll The Malta Independent on Sunday.

L-ewwel skandlu li żvelat nhar il-ġimgħa l-independent kien jinvolvi tixħim dwar it-tanker tal-gass minn Keith Schembri u Konrad Mizzi, waqt l-Ħadd kien żvelat każ ta’ tixħim u korruzzjoni mill-bejgħ tal-Enemalta.

Fl-aħbar li ġiet żvelata il-ġimgħa filgħaxija fuq is-sit elettroniku Independent.com.mt ingħad li rapport tal-FIAU jindika li s-sidien tat-tanker tal-gass ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk, għadda ħlasijiet – kickbacks –  lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Kollox jindika li l-FIAU kienet ħejjiet rapport ieħor li fih xejn anqas minn 120 paġna b’evidenza ġdida u li għadu għand l-FIAU stess jistenna l-konklużjoni.

Jidher li kien hemm żewġ attentati biex ikunu trasferiti flus f’kumpanija f’Dubai bl-isem ta’ Seventeen Black mill-Grupp Orion Engineering.

L-investigazzjoni tal-FIAU sabet li 17 Black hi kumpanija reġistrata f’Dubai u nfetħet apposta biex ikunu trasferiti flus lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri permezz tal-kumpaniji fil-Panama Hearnville u Tillgate.

L-FIAU kkonfermat li ingħaddew flus lil 17 Black, fit-23 ta’ Lulju fl-2015.

Ilbieraħ il-gazzetta The Malta Independent on Sunday żvelat ukoll li l-Financial Intelligence Analysis Unit – l-FIAU – investiga wkoll il-possibilta’ ta’ tixħim f’kuntratt ieħor kbir. Din id-darba dwar il-bejgħ tal-Enemalta lill-kumpanija tal-Gvern Ċiniż Shanghai Electric Power u s-suspett ta’ kickbacks għall-Ministru Konrad Mizzi u Cheng Chen, li kien involut fil-bejgħ tal-Power Station tal-BWSC liċ-Ċiniżi.

The Malta Independent on Sunday żvelat li t-tixħim kien ippjanat permezz tal-kumpaniji sigrieti tagħhom, il-kumpanija Hearnville irreġistrata fil-Panama għal Konrad Mizzi u l-kumpanija Torbridge Services, irreġistrata fil-British Virgin Islands.

Il-kumpaniji infetħu minn Nexia BT, ta’ Brian Tonna, il-konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-accountant ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej …