Lokali

FILMAT: Arrestati erba’ Serbi li nstabu llegalment f’pajjiżna – 2 oħra għadhom imfittxija

Uffiċjali tal-Pulizija mill-għassa tal-Qawra, bl-għajnuna ta’ dipartimenti oħra fil-Korp, matul il-lejl li għadda rnexxielhom jarrestaw erba’ Serbi li jinsabu f’pajjiżna mingħajr dokumenti. Madankollu għadha għaddejja tfittxija għal tnejn oħra li kienu nvoluti f’serqa (filmat) ftit tal-ħin qabel.

Kienet din is-serqa, minn ħanut tal-ispirti u t-tabakk f’Buġibba li wasslet biex xi persuni għaddew informazzjoni lil sidt il-ħanut dwar fejn joqgħodu dawn il-persuni. Kien hawn li talbet lill-Pulizija biex jakkumpanjawha sar-residenza fi Triq il-Port Ruman ftit qabel nofsillejl.

Sidt il-ħanut għarfet lil wieħed mis-Serbi, iżda t-tnejn l-oħra li akkumpanjawh matul is-serqa ma kinux fl-istess appartament. Madankollu l-Pulizija nnutaw li r-residenti tal-appartament kienu f’pajjiżna llegalment u pproċedew bl-arrest.

Madankollu kien hawn li wieħed mis-Serbi ħarab mill-post, iżda nqabad ftit wara mill-uffiċjali tal-Pulizija, f’għalqa fil-qrib.

Fl-istess waqt il-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxija u qed tintalab l-għajnuna tal-pubbliku biex ikunu identifikati ż-żewġ persuni l-oħra nvoluti fis-serqa, u li għadhom ma nstabux.

F’din is-serqa, spikka l-aġir kuraġġuż ta’ sidt il-ħanut, li rrealizzat b’dak li kien qed iseħħ u waqfet lit-tliet irġiel. Wara li wieħed mill-irġiel jidher jitfa’ xi pakketti tas-sigaretti fil-qalziet ta’ taħt, it-tfajla avviċinatu u qaltlu biex jirritorna dawn il-pakketti.

Meta dan deher javviċina l-bieb ta’ barra, hi ppruvat twaqqfu madankollu rnexxielu jaħrab ‘il barra mill-ħanut wara li mbuttaha. Kien hawn li t-tfajla sofriet xi ġrieħi, kawża ta’ grif. Dan ir-raġel hu wieħed mill-persuni li għadhom qed jiġu mfittxija mill-Pulizija.