Lokali

FILMAT: Tfajla tieqaf lil tliet Serbi li ppruvaw jisirquha- 2 għadhom maħruba

Żewġ Serbi għadhom maħruba wara li kienu nvoluti f’serqa minn ħanut tal-ispirti u t-tabakk li jinsab qrib it-terminus tal-linja, fiċ-ċentru ta’ Buġibba. Il-każ seħħ il-Ġimgħa.

F’din is-serqa, spikka l-aġir kuraġġuż ta’ sidt il-ħanut, li rrealizzat b’dak li kien qed iseħħ u waqqfet lit-tliet irġiel. Wara li wieħed mill-irġiel jidher jitfa’ xi pakketti tas-sigaretti fil-qalziet ta’ taħt, it-tfajla avviċinatu u qaltlu biex jirritorna dawn il-pakketti.

Meta dan deher javviċina l-bieb ta’ barra, hi ppruvat twaqqfu. Madankollu rnexxielu jaħrab ‘il barra mill-ħanut wara li mbuttaha. Kien f’dan il-mument li t-tfajla sofriet xi ġrieħi ħfief, kawża ta’ grif.

Wieħed mis-Serbi li jidher fil-filmat, iżda mhux dak li deher jieħu l-pakketti tas-sigaretti, inqabad mill-Pulizija tal-Qawra f’residenza fi Triq il-Port Ruman ftit qabel nofsillejl. Dan wara informazzjoni li waslet mingħand membri tal-pubbliku. Instab ukoll li hu, flimkien ma’ tliet Serbi oħra, jinsabu f’pajjiżna llegalment,

Il-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxija u qed tintalab l-għajnuna tal-pubbliku biex ikunu identifikati ż-żewġ persuni l-oħra nvoluti fis-serqa, u li għadhom ma nstabux.