Lokali

Illum jibdew l-elezzjonijiet każwali: Kif jaħdmu?

Mil-lum jibdew l-elezzjonijiet każwali u tajjeb li naraw dawn kif jaħdmu. F’Malta jitħallew joħorġu kandidati fuq żewġ distretti fl-elezzjoni ġenerali proprja, u numru minnhom jitilgħu miż-żewġ distretti li jikkontestaw. Għalhekk, l-elezzjonijiet każwali ta’ wara l-elezzjonijiet ġenerali, huma kważi parti mill-proċess tal-elezzjoni nnifisha.

Fis-sistema elettorali tal-Vot Waħdani Trasferibbli, bilfors issir elezzjoni każwali?

Is-sistema elettorali tagħna tintuża wkoll fl-elezzjonijiet għall-parlament tar-Repubblika tal-Irlanda (apparti xi ġurisdizzjonijiet oħrajn, fosthom l-Awstralja, imma f’dawn mhux għall-parlament nazzjonali). Fl-Irlanda, il-kandidati ma jitħallewx joħorġu fuq żewġ distretti, u allura ma jibdewx mill-ewwel bis-siġġijiet ċeduti. Meta xi deputat Irlandiż ibattal is-siġġu għal xi raġuni, terġa’ ssir elezzjoni fid-distrett biex jitla’ ieħor minfloku. (Din hi by-election, meta n-nies jerġgħu jivvutaw, kif jiġri wkoll fir-Renju Unit.) F’Malta din is-sistema kieku toħloq problema u f’pajjiżna ssir elezzjoni li nsejħulha ‘każwali’, jiġifieri n-nies ma jerġgħux imorru jivvutaw imma nerġgħu naraw il-voti tad-Deputat li battal is-siġġu.

Liema voti jingħaddu f’elezzjoni każwali?

F’Malta dejjem qed nibdew b’numru ta’ elezzjonijiet każwali saħansitra qabel jiftaħ il-Parlament. F’elezzjoni każwali, jingħaddu l-voti li ġab id-Deputat li tela’ minn tnejn, f’dak id-distrett li jkun ċeda. Min jikkontesta elezzjoni każwali ma jiswewlu xejn il-voti oriġinali li kien ġab hu fl-elezzjoni ġenerali fid-distrett.

Il-pakkett tal-voti li jinfetaħ bilfors ikollu l-kwota oriġinali?

Le. Fis-sistema tagħna, biex kandidat jitla’ minn distrett fl-elezzjoni ġenerali, m’hemmx għalfejn iġib il-kwota oriġinali. Kulma għandu bżonn hu li jibqa’ ‘ħaj’ tul l-għadd kollu. Fl-aħħar għadd, aktarx ikun hemm erba’ Deputati eletti bil-kwota, u tnejn oħra li l-aktar wieħed minnhom li jkollu voti jiġi dikjarat elett, anke jekk ma jkollux il-kwota; l-ieħor jitħalla bil-pakkett tal-voti u ma jitwaqqax. Dan insejħulu runner up. Ir-runner up ikollu ċans jitla’ bil-mekkaniżmu tal-proporzjonalità (l-emenda kostituzzjonali). Fil-każ ta’ din l-elezzjoni ġenerali, dawn kienu Carm Mifsud Bonnici u Fredrick Azzopardi li baqgħu runners up bl-akbar żewġ ammonti ta’ voti. Kif tinduna, kull Deputat fil-Parlament (ħlief għal dawk li jitilgħu b’co-option, kif naraw aktar ’il quddiem, u dawk li telgħu b’kawża fl-aħħar leġiżlatura) għandu jikkorrispondi għalih pakkett fiżiku ta’ voti, anke jekk ikun runner up elett bl-emenda kostituzzjonali.

Kemm tkun il-kwota fl-elezzjoni każwali?

Il-kwota fl-elezzjoni każwali tkun nofs il-voti li jkun hemm fil-pakkett tad-Deputat li jkun ċeda s-siġġu. Bil-maqlub tal-elezzjoni ġenerali, biex kandidat jitla’ minn elezzjoni każwali, irid bilfors iġib il-kwota. Min iġib nofs il-voti l-ewwel waqt l-għadd tal-elezzjoni każwali, ikun dikjarat elett.

Kif isir l-għadd?

Il-pakkett jinfetaħ u jerġa’ jingħadd bl-istess mod kif jiġri f’elezzjoni ġenerali billi tara l-vot mill-unu ’l isfel. Il-kandidati li ma jikkontestawx l-elezzjoni każwali jitqiesu li mhumiex fil-ġirja. Fil-każ ta’ Deputat li kien elett fl-elezzjoni ġenerali mill-ewwel għadd, billi hu żgur ma jkunx kandidat fl-elezzjoni każwali, tara d-duwijiet tiegħu u l-preferenzi aktar ’l isfel. Tista’ tieħu indikazzjoni ta’ min ikollu ċans jitla’ għax fir-riżultat oriġinali d-duwijiet ikunu tqassmu fl-istess proporzjon. Imma din hi biss indikazzjoni, għax ikun hemm Deputati oħrajn tal-istess partit fl-istess distrett li jkunu ħadu d-duwi, imma lanqas dawn ma jkunu kandidati fl-elezzjoni każwali, u għalhekk tkun trid tara fuq min komplew il-voti wara d-duwi.

U dawk li ma jkunux telgħu mill-ewwel għadd fl-elezzjoni ġenerali?

Ikun hemm Deputati li telgħu minn żewġ distretti u li fejn iċedu ma jkunux telgħu mill-ewwel għadd. Kif diġà għedna, fl-elezzjoni każwali dejjem tara l-voti fil-pakkett tad-Deputat li ċeda mill-unu ’l isfel. Għalhekk, f’każ bħal dan, kandidat li jkun waqa’ fl-elezzjoni ġenerali u li jkun ta voti lid-Deputat li tela’ minn tnejn, jerġa’ jieħu dawn il-voti lura, għax hu kellu preferenza ogħla fihom mid-Deputat li tela’ minn tnejn. Imma anke hawn, din hi indikazzjoni biss, għax il-kandidat li jkun waqa’ jaf ikollu voti li jkun wirithom mingħand kandidati oħrajn fl-elezzjoni ġenerali u li jkunu qed jikkontestaw ukoll l-elezzjoni każwali. B’mod ġenerali, għall-elezzjoni każwali, kandidat dejjem jaqbillu li jkun waqa’ fl-elezzjoni ġenerali u ta għadd ġmielu ta’ voti lil Deputat li tela’ minn żewġ distretti. (Dan hu bil-kontra ta’ dawk li jitilgħu bl-emenda kostituzzjonali li, biex jitla’ biha, kandidat ma jistax ikun waqa’.)

Tista’ ssir elezzjoni każwali minn elezzjoni każwali?

Le. Jekk Deputat li jkun tela’ f’elezzjoni każwali jbattal is-siġġu b’xi mod, dak li jidħol floku fil-Parlament jidħol b’għażla (co-option). Din l-għażla ssir mill-partit politiku li jkun ikkontesta f’ismu fl-elezzjoni ġenerali u fl-elezzjoni każwali u tkun ratifikata mill-Parlament.

Kif tista’ tara s-sistema tal-elezzjonijiet każwali taħdem?

Tista’ tara eżempji ta’ kif jaħdmu l-elezzjonijiet każwali billi tfittex fis-sit tal-Kummissjoni Elettorali electoral.gov.mt, u tagħżel ‘Elezzjonijiet’, ‘elezzjonijiet ġenerali’, is-sena tal-elezzjoni ġenerali, id-distrett, u mbagħad, fuq ir-riżultat tad-distrett, tagħżel bejn original election u l-elezzjonijiet każwali f’dak id-distrett.