Lokali

L-appell tal-MSPCA dwar il-logħob tan-nar

L-MSPCA qed twissi lill-awtoritajiet u lil dawk involuti fil-logħob tan-nar, biex ma jkunx hemm użu eċċessiv ta’ logħob tan-nar fil-festi u f’attivitajiet pubbliċi oħra. U dan minħabba li l-annimali jkunu affetwati ħażin bi storju eċċessiv ta’ logħob tan-nar.

Fi stqarrija l-MSPCA, qalet li rċiviet numru ta’ ilmenti kemm minn Maltin kif wkoll minn turisti matul is-sena l-oħra li l-logħob tan-nar jikkawża effetti ħżiena fuq l-annimali minħabba l-ħsejjes. Huma qalu li l-kmamar tan-nar u kumitati organizattivi għandhom jibdew jikkunsidraw logħob tan-nar mingħajr ħsejjes. Dan minbarra li tħeġġeġ lil min għandu l-annimali speċjalment dawk domestiċi biex minn meta jkunu żgħar jesponu lill-pets tagħhom għal ċertu tipi ta’ ħsejjes.

Kelliem għal MSPCA, Christian Pace qal li parti minn dak magħruf bħala The Puppy Plan għandu jkun hemm proċess biex meta l-annimal, bħall-klieb, ikunu għadhom żgħar ikunu esposti għall-ambjnet li fih jgħix il-bniedem fit-totalita’ tiegħu. Iżda sfortunatament mhux dejjem jiġri hekk. L-MSPCA tħeġġeġ lis-sidien tal-annimali biex meta jaraw li l-pet tagħhom għandu xi skumdita jew biża minn ħsejjes bħal-logħob tan-nar ifittxu l-għajnuna tal-esperti tal-annimali.