Lokali

L-Oppożizzjoni tivvota favur il-ħatra ta’ Anġlu Farrugia bħala Speaker tal-Parlament

"Vot favur bħala messaġġ ta' għaqda nazzjonali ta' veru, minkejja li l-Oppożizzjoni ma ġietx ikkonsultata dwar din il-ħatra" - Simon Busuttil

L-Oppożizzjoni vvutat favur il-ħatra ta’ Anġlu Farrugia bħala Speaker tat-tlettax-il leġiżlatura, minkejja li l-Oppożizzjoni ma ġietx ikkonsultata dwar din il-ħatra.

“Sabiex nibgħatu messaġġ ċar li fil-bidu ta’ mandat ġdid, l-Oppożizzjoni lesta li testendi l-id tal-koperazzjoni f’isem l-għaqda nazzjonali, bil-fatti u mhux bil-kliem”, spjega l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta kien qed jispjega għaliex l-Oppożizzjoni vvutat favur il-ħatra ta’ Anġlu Farrugia.

F’messaġġ indirizzat lill-iSpeaker, Simon Busuttil qal li issa aktar minn qatt qabel jeħtieġ li l-iSpeaker iżomm l-imparzjalità u jagħti protezzjoni sħiħa mhux biss lill-maġġoranza tal-Kamra imma anke lill-minoranza.

Fl-ewwel seduta tat-tlettax-il leġiżlatura, id-Deputat tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg inħatret bħala Deputat Speaker, wara nomina mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Kemm il-ħatriet ta’ Anġlu Farrugia kif ukoll ta’ Claudette Buttigieg kienu approvati ‘nem com’, jiġifieri bi qbil bejn id-Deputati kollha.