Lokali

Il-Pulizija wkoll tinvestiga allegat każ ta’ match fixing minn Jesmond Aquilina

Wara li fl-aħħar jiem In-Nazzjon żvela li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) qed tinvestiga allegazzjonijiet ta’ match fixing, tixħim u korruzzjoni mill-eks-President ta’ Qormi, Jesmond Aquilina, issa hu konfermat ukoll li għaddejja investigazzjoni oħra u separata min-naħa tal-Pulizija.

L-investigazzjoni tal-MFA bdiet wara li wasal għandha recording qasir li ttieħed bil-moħbi waqt laqgħa pubblika fejn Aquilina jinstema’ jgħid li għadda €3,000 lil membru tal-Kumitat biex il-klabb jirbaħ logħba deċiżiva.

Il-logħba inkwistjoni hi d-decider bejn Qormi u Vittoriosa Stars (il-klabb tal-Birgu), li ntlagħbet fl-10 t’April 2011, u kienet intemmet bi skor ta’ 2-2. Fl-aħħar minuti tal-logħba, Vittoriosa F.C. saħansitra fallew penalty, wara li x-xutt ta’ Edison Luis Dos Santos intlaqa’ mill-goalkeeper. Dan bil-konsegwenza li Vittoriosa Stars sfaw relegati għall-Ewwel Diviżjoni, waqt li Qormi rnexxielhom jibqgħu fil-Kampjonat Premier f’dik is-sena.

Dwar din il-logħba, għal xhur sħaħ kienu jiġru xnigħat u allegazzjonijiet li l-logħba setgħet kienet imbagħbsa. Madankollu r-recording għadda għand l-MFA u għand In-Net News fl-aħħar jiem.

Iżda dan is-sit jinsab infurmat li l-investigazzjoni tal-Pulizija mhix dwar dan l-istess recording imma dwar recording ieħor li din id-darba ttieħed waqt laqgħa tal-Kumitat u mhux waħda pubblika. Is-sorsi tagħna spjegaw li fir-recording, Jesmond Aquilina, li dak iż-żmien kien għadu mhux President tal-klabb, jinstema’ jgħid b’mod iktar ċar u elaborat dwar kif il-flus li ta hu kienu importanti biex intrebħet din il-logħba u permezz tagħhom salva lil Qormi F.C.

Fid-dawl ta’ dan, Net News bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija fejn staqsejna jekk hux minnu li għaddejja l-investigazzjoni u jekk hux veru li l-Pulizija għandhom dan ir-recording. Fir-risposta tiegħu, il-Korp ikkonferma li għaddejja investigazzjoni iżda ma ngħatawlniex iżjed dettalji.

Din hi t-tieni konferma, wara dik tal-MFA, dwar investigazzjoni li għaddejja min-naħa tal-awtoritajiet fil-konfront ta’ Qormi F.C. u fuq kollox dwar Jesmond Aquilina, li sadattant laħaq Sindku ta’ Ħal Qormi minflok Rosianne Cutajar, eletta fil-Parlament.

Wara li ħarġet l-istorja fuq In-Nazzjon, il-membri tal-Kumitat ta’ Qormi FC fi stqarrija ċaħdu u ddiżassoċjaw ruħhom minn allegazzjonijiet ta’ match fixing fil-konfront tal-President preċedenti tal-klabb, Jesmond Aquilina.

Hekk kif kien tlaqqa’ b’urġenza l-Kumitat ta’ Qormi F.C., il-membri preżenti kienu stqarrew fiduċja f’Aquilina.

Jesmond Aquilina, illum Viċi Kaxxier ta’ Qormi F.C., ukoll qed jiċħad l-allegazzjonijiet u f’post fuq Facebook iddikjara li l-flus imsemmija ngħataw bħala donazzjoni lill-klabb permezz ta’ ċekk pagabbli lil Qormi F.C. fi żmien meta hu ma kienx membru tal-Kumitat.

Iżda minkejja li kiteb sensiela ta’ dikjarazzjonijiet fuq Facebook, Jesmond Aquilina fl-ebda ħin ma spjega għaliex fil-laqgħa tal-Kumitat hu qal li “allaħares joħorġu fil-Qorti dawn l-affarijiet” eżatt wara li kien iddikjara lill-Kumitat li ħallas €3,000 “biex nirbħu l-logħba kontra l-Birgu.”

Kif ammetta fi status minnhom Jesmond Aquilina stess, huma ħafna dawk il-membri u partitarji li jgħaddu donazzjonijiet lill-klabbs rispettivi, u f’dan m’hemm xejn illegali jew irregolari. Għalhekk wieħed jistaqsi għaliex hu “allaħares li joħorġu fil-Qorti dawn l-affarijiet”?

Jesmond Aquilina ddikjara li kkopera bis-sħiħ mal-MFA, li matul il-jiem li għaddew kompliet issejjaħ lil persuni diversi biex jixhdu u jikkoperaw fl-investigazzjoni.