Lokali

RITRATTI: Folla Serbi b’vandaliżmu f’San Pawl il-Baħar

Grupp ta’ madwar 30 Serb matul il-ġurnata qajmu kjass f’San Pawl il-Baħar, mhux biss bi storbju imma wkoll b’vandaliżmu mal-ħitan u propjetajiet privati fil-lokalità.

Ritratti li ttellgħu fuq Facebook juru messaġġi favur it-tim ta’ Red Star Belgrade, klabb tal-futbol li se jilgħab il-logħba tar-ritorn kontra Floriana propju f’pajjiżna. Din mhix l-ewwel darba li l-ultras ta’ dan il-klabb ġew f’pajjiżna u fil-passat kien hemm arresti u ġiet sfrattata wkoll ġlieda kbira li kienet ippjanata.

Residenti li ppruvaw iwaqqfu lil dawn is-Serbi milli jkomplu jħażżu l-ħitan, minflok kienu ffaċċjati minn abbuż verbali, b’tgħajjir u mossi oxxeni ndirizzati lejhom.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija, li madankollu waslu meta kien tard wisq, hekk kif is-Serbi kienu laħqu ħallew iż-żona. Iktar tard, bil-grupp ikompli jikber, l-istess persuni dehru jduru t-toroq, ikantaw u segwiti minn karozza tal-Pulizija

Teżisti wkoll biża’ li dawn l-ultras tal-futbol ikomplu jqajmu l-inkwiet, inkluż bi ġlied, hekk kif qed jidhru jduru fi gruppi madwar il-lokalità. Hu fatt magħruf li teżisti tensjoni mhux biss ma’ persuni minn nazzjonijiet oħra imma wkoll bejn is-Serbi nfushom li jgħixu f’pajjiżna, minħabba twemmin politiku u pika fil-futbol.