Lokali

FILMAT: Sister Tereża tħalli dar sħiħa mill-wirt għal ommijiet żgħażagħ vulnerabbli

Malli Sister Tereża rċeviet it-testment tal-papa tagħha, ma ħasbithiex darbtejn qabel iddeċidiet li tagħti d-dar li wirtet lis-Sorijiet tal-Karità. U issa, din id-dar se tibda tintuża biex tilqa’ fiha ommijiet żgħażagħ vulnerabbli jew żgħażagħ vulnerabbli li jkunu qed jistennew tarbija, f’proġett jismu ‘Y-Assist’.

Sister Tereża tgħid li d-deċijoni li tgħaddi d-dar li wirtet għal dan il-proġett, kienet waħda faċli. “Jekk il-papa tiegħi qiegħed il-Ġenna, jien ċerta li qed jagħmel festa, għax din hija xi ħaġa li kieku hu kien jagħmel” qaltilna Sister Tereża.

L-inizjattiva Y-Assist qed issir b’inizjattiva mill-President’s Trust b’kollaborazzjoni ma’ St. Jeanne Antide Fuondation, u tikkonsisti f’netwerk ta’ djar u residenzi għal ommijiet żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-25 sena li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni vulnerabbli tant li jkollhom bżonn saqaf fuq rashom fejn ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem f’ħajjithom.

NET News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ St. Jeanne Antide Foundation Nora Macelli, li fissret li xi drabi, ommijiet żgħażagħ ma jsibux appoġġ mill-familji tagħhom għal raġunijiet varji, u dan wassal għal bżonn ta’ residenza fejn dawn l-ommijiet żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw.

Filfatt, f’dawn id-djar residenzjali, l-ommijiet żgħażagħ ikunu jistgħu isegwu programm wiegħsa mhux biss biex jiżviluppaw huma, iżda biex isaħħu r-relazzjoni mat-trabi tagħhom. Dan filwaqt li jippreparaw ruħhom biex joħorġu lura fis-soċjetà preparati biex ikomplu jaqdfu weħidhom.

Filfatt, id-Direttur tal-President’s Trust Sarah Borda Bondin tispjega li l-iskop ta’ dawn id-djar mhuwiex li jpoġġi lil dawn l-ommijiet żgħażagħ f’xi istitut għal dejjem.

“Mhuwiex l-għan tagħna li dawn l-ommijiet jiġu istituzzjonalizzati u dipendenti fuqna. Dan se jkun programm ta’ massimu ta’ sena u fejn naħdmu id f’id mal-professjonisti sabiex jimxu ‘l quddiem għall-ħajja indipendenti”, spjegat Macelli.

L-għan tal-President’s Trust huwa li sal-aħħar tas-sena d-dieħla jkun hemm netwerk ta’ 4 appartamenti biex f’kull waqt ikunu jistgħu jintlaħqu 12-il omm.