F’rikors li tressaq dalgħodu fil-Qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-Qorti tal-Maġistrati biex tinfetaħ inkjesta kriminali dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi wara li s-sena li għaddiet dawn inqabdu b’kumpanija fil-Panama biex fiha jpoġġu b’miljun ewro fis-sena f’commissions.
Fir-rikors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Qorti tinvestiga jekk dan jammontax għal reat kriminali ta’ ħasil ta’ flus.
F’kumment lill-media, Simon Busuttil qal: “Qed nieħu dan il-pass sabiex issir ġustizzja la darba la l-Pulizija u lanqas l-Avukat Ġenerali ma għamlu dak li messhom għamlu. L-elezzjoni ġenerali ma jfissirx li l-ġustizzja m’għandiex issir. L-elezzjoni mhux skuża biex reati kriminali jintesew jew jinkinsu taħt it-tapit. Aktar u aktar meta dawn jitwettqu minn nies fl-għoli kariga ta’ poter. Kif dejjem għamilt, se nibqa’ naħdem sabiex f’pajjiżna terġa’ ssaltan il-ġustizzja u l-liġi terġa’ tgħodd b’mod ugwali għal kulħadd.”
Fir-rikors, Simon Busuttil jelenka d-dati ewlenin ta’ din l-istorja fosthom li jum biss wara l-ħatra ta’ Konrad Mizzi bħala Ministru tal-Enerġija, jiġifieri fl-14 ta’ Marzu tal-2013, Karl Cini mill-kumpanija Nexia BT jibgħat email lil Mossack Fonseca biex jinbeda l-proċess biex jinfetħu kumpaniji fil-Panama u possibilment trust.
Dati oħra sinjifikanti li ssemmew fir-rikors huma Ottubru 2013, meta l-konsorzju magħmul fost oħrajn minn Socar, rebaħ il-kuntratt tal-Power Station; Diċembru 2013 meta infetħet il-kumpanija li taħtha beda jaħdem Pilatus Bank; Frar 2014 meta l-kumpanija fil-British Virgin Islands Torbridge Services, tgħaddi minn idejn Brian Tonna għal għand Cheng Chen, uffiċjal għoli fil-kumpanija Shanghai Electric Power.
Xahar wara, preċiżament fil-11 ta’ Marzu 2014, l-istess Shanghai Electric Power tiffirma ftehim mal-Ministru Konrad Mizzi biex tixtri l-power station tal-BWSC b’€220 miljun u terz tal-Enemalta għal €100 miljun.
Ir-rikors isemmi wkoll ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li kkritika l-indħil bla preċedenti mill-Ministru Konrad Mizzi fix-xiri tal-fuel u li fih kien ikkonfermat li l-Enemalta tilfet €14.1 miljun.
Fl-2015 kien hemm diversi tentattivi sabiex jinfetħu kontijiet bankarji għall-kumpanija Hearnville ta’ Konrad Mizzi. Kien fl-istess sena wkoll li Pilatus Bank, immexxija minn sid Iranjan b’passaport ta’ St Kitts & Nevis, ingħata liċenzja biex jopera bħala bank f’Malta wara li kien ġie rifjutat minn pajjiżi Ewropej oħra.
Ir-rikors ikompli li f’Diċembru 2015, kemm Konrad Mizzi kif ukoll iċ-Chief of Staff tal-PM Joseph Muscat Keith Schembri, permezz ta’ Karl Cini, ikkonfermaw biex jinfetħu kontijiet għall-kumpaniji fil-Panama li jeħtieġu depożitu ta’ miljun dollaru fis-sena. Dan meta hu fatt magħruf li l-introjtu u l-perkaċċi tal-Ministru u taċ-Chief of Staff huma ferm inqas biex jiġġustifikaw kif jistgħu jagħmlu depożitu ta’ miljun dollaru kull sena.
Fl-2016, joħorġu fil-beraħ l-istrutturi finanzjarji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Ir-rikors ifakkar ukoll li fis-27 ta’ April 2016 jirriżenja Michael Cassar minn Kummissarju tal-Pulizija wara li rċieva rapport tal-FIAU fuq dawn il-kumpaniji sigrieti u li fit-2 ta’ Awwissu, irriżenja wkoll il-Kap tal-FIAU Manfred Galdes.
Ir-rikors ifakkar illi d-delitt ta’ ħasil tal-flus jew tentattiv ta’ ħasil tal-flus iġib miegħu piena li taqbeż sew it-tliet snin mitluba mil-liġi sabiex tinfetaħ inkjesta u li dawn il-fatti kienu deskritt mill-Kumitat PANA tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers bħala a textbook case of money laundering.
Simon Busuttil iddikjara d-disposizzjoni sħiħa tiegħu lill-Maġistrat inkwirenti.
Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.
//= $special ?>