“Flimkien Nissaħħu biex Nirbħu” huwa l-messaġġ ta’ Chris Said għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN. Dan hekk kif ilbieraħ preżenta uffiċjalment in-nomina għal Kap ġdid tal-partit.
Id-deputat Nazzjonalista Chris Said spjega kif f’dan il-mument ta’ sfidi kbar għall-PN, il-partit ma jaffordjax mexxej li jrid isib saqajh iżda mexxej b’esperjenza li jaf sew ilpartit u lin-nies, b’hekk ikun jista’, mill-ewwel ġurnata jibda ħidma biex il-PN jerġa’ jitpoġġa lura fuq saqajh.
Said qal li wara snin bħala Sindku, Segretarju Parlamentari, Ministru u Segretarju Ġenerali, għandu lesperjenza u l-enerġija li l-PN jeħtieġ f’dan il-mument. Chris Said nieda l-kampanja tiegħu quddiem il-Każin tal-PN ta’ Ħal Safi.
Qal li għamel dan minħabba li bħala Kap mhux se jingħalaq fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali iżda se jmur għand in-nies, tant illi darba f’ġimgha, kull ġimgħa, se jkun qed jaħdem u jiltaqa’ man-nies f’każin differenti.
Sostna illi l-każini għandhom jintużaw għal komunità u biex il-PN jerġa’ jibda s-sistema ta’ street leaders.
“Ħal Safi huwa fin-naħa t’isfel ta’ Malta fejn il-PN tilef ħafna appoġġ, inkluż il-Kunsill ta’ Ħal Safi. Għalhekk, bħala Kap tal-PN se jikkummissjona analiżi tal-bidliet soċjali f’Malta u f’Għawdex u kif il-PN se jerga’ jirrifletti l-aspirazzjonijiet tan-nies. Mhux l-inqas fin-naħa t’isfel ta’ Malta”, sostna Chris Said.
Apparti minn hekk, Ħal Safi hu qrib żona industrijali. “Bħala Kap se jniedi strateġija għall- ħaddiema biex il-PN jerga’ jkun qalbu mal-ħaddiema. Se jinħatru ħaddiema minn fost il-ħaddiema biex jerġa’ jinbena pont bejnhom u bejn il-PN”.
AKTAR KMIENI
Bejn illum u nhar l-Erbgħa qed jintlaqgħu n-nomini għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
L-ewwel nomina daħlet mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, illi sar uffiċjalment l-ewwel kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
In-nomini jibqgħu jintlaqgħu fid-Dar Ċentrali tal-PN sa nhar l-Erbgħa.
L-ewwel fażi tal-elezzjoni se ssir fl-ewwel weekend ta’ Settembru meta jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali.
Imbagħad s-Sibt 16 ta’ Settembru titlaqqa’ Konvenzjoni Ġenerali b’elezzjoni għall-kariga ta’ Kap, bil-votanti jkunu t-tesserati kollha tal-partit.
Wara li jinħatar Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, jibda l-proċess biex jiġu eletti l-Viċi Kapijiet kif ukoll il-karigi l-oħra amministrattivi.
//= $special ?>