Lokali

AĠĠORNATA: Sejba ta’ droga waqt rejd fuq it-Tiger Bar

Involuti membri tal-RIU u skwadri speċjalizzati

Numru ta’ persuni barranin inżammu mill-Pulizija wara rejd kbir illi sar fil-Marsa ilbieraħ wara nofsinhar fejn instabu ammonti ta’ droga għat-traffikar, fosthom sustanzi suspettati sintetiċi, raża u ħaxixa tal-kannabis. Id-drogi kienu ppakkjati, lesti biex jiġu ttraffikati.

Kienet xena mhux tas-soltu dik li kien hemm f’Xatt il-Mollijiet il-Marsa b’diversi Pulizija armati jaslu fil-post flimkien ma’ membri tad-Drug Squad, Pulizija bil-klieb, l-RIU u l-Vice Squad.

Aktar minn 50 Pulizija ħadu sehem f’dan ir-rejd illi sar fuq it-Tiger Bar bħala parti minn operazzjoni kontra t-traffikar tad-droga. Fil-post waslu ukoll żewġ ambulanzi u tim ta’ paramediċi.

Il-Pulizija qallbu kull rokna ta’ dan l-istabbiliment u tal-appartamenti li hemm biswitu.

Fuq ġewwa, il-Pulizija irrejdjaw madwar 25 kamra, kif ukoll il-kmamar tat-tieni sular u l-bejt ta’ din il-blokka. Il-binja tinsab qrib iċ-Ċentru Miftuħ tal-immigranti, f’Xatt il-Mollijiet.

Il-Pulizija għandhom ghaddejin bl-investigazzjonijiet relatati ma’ dan ir-rejd illi sar għall-habta tas-1:45pm.

Sadatant, rapporti separati qed jindikaw illi bħala parti minn din il-ħidma ġew arrestati wkoll żewġ Maltin.

Filwaqt li t-tfittxijiet fil-post baqgħu għaddejin sa tard bil-lejl, il-Pulizija ikkonfermat illi dan ir-rejd kellu l-bidu tiegħu minn informazzjoni li rċieva l-Korp. Fl-operazzjoni ħa sehem ukoll l-Ispecial Intervention Unit.