Lokali

“Se nibqa’ niġġieled għad-demokrazija” – Simon Busuttil

Ritratt: Martin Agius
Simon Busuttil jgħid li mhux se jibża' mill-attakk faxxist ta' Muscat u Keith Schembri

“Se nibqa’ niġġieled għad-demokrazija u se nibqa’ nagħmel dan sakemm tirbaħ id-demokrazija”. Dikjarazzjoni b’saħħitha mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta waqt konferenza tal-aħbarijiet irrefera għall-mod kif iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għamel kwerela sabiex il-Pulizija jressquh il-Qorti b’akkużi ta’ ġurament falz, rapport falz u kalunja.

“Jiena mhux se nibża’ mill-attakk faxxist ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri. Jekk jaħsbu li bl-azzjoni tagħhom se jbeżżgħuni jew jagħlquli ħalqi, it-tweġiba tiegħi hija li qed ikomplu jsaħħu d-determinazzjoni tiegħi u se nkompli niġġieled għad-demokrazija f’pajjiżna u biex f’pajjiżna terġa’ ssaltan il-ġustizzja.”

Simon Busuttil żied jgħid li t-talba biex jittieħdu passi kriminali kontrih tikkonferma kemm l-affarijiet qed jinqalbu ta’ taħt fuq.

“Għandna sitwazzjoni fejn flok il-Pulizija tinvestiga lil Keith Schembri fuq korruzzjoni, il-Pulizija se tinvestiga lili talli kxift u iġġilidt il-korruzzjoni. Din hija prova ċarissima oħra li f’pajjiżna l-istituzzjonijiet inħatfu mill-Gvern u qegħdin jintużaw b’abbuż kbir tal-poter, biex flok il-ġustizzja issir, il-ġustizzja ma ssirx. Anzi, isir frame-up kontra min jiġġieled il-korruzzjoni,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil innota li qatt f’pajjiżna ma kellna sitwazzjoni fejn Kap tal-Oppożizzjoni jitressaq il-Qorti mill-Pulizija b’azzjoni motivata politikament talli mexxa ġlieda kontra l-korruzzjoni mill-istess Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Spjega li għal din ir-raġuni, din mhijiex kwerela normali, imma hija attakk kontra d-demokrazija intiża biex issa li rebħu l-elezzjoni u għalqu ħalq ħafna nies, jippruvaw jagħlqu wkoll ħalq l-Oppożizzjoni, xi ħaġa li ssir biss f’pajjiżi dittatorjali.

“Huwa ċar li l-Gvern qed jabbuża mill-poter li għandu billi juża l-istituzzjonijiet pubbliċi, bħall-Korp tal-Pulizija biex jagħlaq ħalq lil kull min jieqaflu,” fisser Simon Busuttil. “Ejja ma ninsewx li l-Korp tal-Pulizija diġà qed jintuża biex ma jittieħdux passi kontra Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Issa se jużaw il-Korp biex jippruvaw ikissru lil min jiġġieled il-korruzzjoni,” żied jgħid.

Simon Busuttil temm jappella lil kull min għad għandu dubju li f’pajjiżna d-demokrazija hija taħt theddida sabiex jiftaħ għajnejh, jew lil kull min s’issa ħares in-naħa l-oħra, sabiex jara x’qed jiġri quddiem għajnejh u ma jħallix dak li qed jiġri ikompli għaddej. “L-ebda rebħa elettorali ma tiġġustifika dak li għamel Keith Schembri llum bil-barka ta’ Joseph Muscat” saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil qal li wara li jinħatar Kap ġdid hu se jibqa’ jiġġieled għad-demokrazija bħala Membru Parlamentari u bħala ċittadin, u żied li Muscat u Keith Schembri qed jgħarralhom jekk jaħsbu li jistgħu joħonqu l-ġustizzja b’elezzjoni li fiha xtraw eluf ta’ voti bi prattiċi korrotti.

Keith Schembri jitlob lill-Pulizija jressqu lill-Kap tal-Oppożizzjoni b’akkużi kriminali