Lokali

Il-Gvern se jħallas lil Vitals Global Healthcare €188,000 kuljum

Vitals Global Healthcare se tkun qed titħallas 188,000 ewro kuljum jew inkella 70 miljun ewro fis-sena biex tipprovdi sodod lill-Gvern fl-isptar Generali ta’ Għawdex, Karen Grech u l-Isptar San Luqa.

Żvelat dan il-gazzetta The Sunday Times of Malta, wara li wasal għandha l-kuntratt b’mod sħiħ. Dan wara li f’Ottubru li għadda l-Gvern, fil-Parlament, kien ippublika verżjoni ċċensurata ta’ dan il-kuntratt.

F’dan il-ftehim li kien iffirmat mill-Ministru responsabbli għas-saħħa dak iż-żmien, Konrad Mizzi, Vitals Global Healthcare, kumpanija li qatt ma kellha esperjenza fis-settur tas-saħħa, ingħatat t-tmexxija ta’ tliet sptarijiet tal-istat għal tletin sena sħaħ.

Il-Gvern kien intrabat li jixtri s-servizz ta’ tal-anqas 712-il sodda kuljum mingħand Vitals u għalhekk dan ifisser spiża ta’ 68.5 miljun ewro fis-sena.

Anke jekk il-Gvern ma jkollux bżonn dawn is-sodod intrabat li jħallas is-somma ta’ 188,000 elf ewro kuljum.

Il-ftehim jistipula wkoll li l-Gvern f’każ ta’ bżonn jista’ jikri aktar sodod mingħand VGH imma dan ikun ifisser kirja ferm ogħla minn dik stabbilita għall-kumplament tas-sodod. Dan għaliex il-Gvern ikun irid iħallas daqs li kieku qed jixtru s-servizz persuni li jiġu minn barra l-pajjiż biex jinqdew f’dawn l-isptarijiet.

Il-Garanzija tal-Gvern lil Vitals hi li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex jinkrew 125 sodda għall-kura akuta għall-prezz ta’ €600 is-sodda kuljum. Fl-istess sptar il-Gvern intrabat li jikri 175 sodda għall-kura ġerjatrika għall-prezz ta’ €180 kuljum.

F’Karen Grech il-Gvern intrabat li jikri 320 sodda kuljum għall-prezz ta’ €180 is-sodda. Filwaqt li fl-Isptar San Luqa l-Gvern intrabat li jikri 80 sodda għal riabilitazzjoni kuljum bil-kirja tkun ta’ €300 is-sodda kuljum.

Skont il-Ftehim Vitals Global Healthcare intrabtet li tinvesti €220 miljun fil-faċilitajiet, madankollu fuq medda ta’ 30 sena din il-kumpanija se tkun qed titħallas is-somma ta’ żewġ biljun ewro.