L-Oppożizzjoni Nazzjonalista trid li l-perijodu tas-sajf jintuża biex isiru taħditiet mal-Gvern ħalli jintlaħaq qbil fuq numru ta’ inizjattivi li għandhom jidħlu fis-seħħ hekk kif il-Parlament jerġa’ jiltaqa’ fit-2 ta’ Ottubru li ġej. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin u d-Djalogu Soċjali David Agius ippreżentaw seba’ proposti biex il-Parlament jaħdem aħjar:
1. Jinħatar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika;
2. Jibda jsir skrutinju ta’ ħatriet bħal ambaxxaturi u chairpersons ta’ awtoritajiet;
3. Jibda jkun hemm ħin speċifiku fil-Parlament għal Prime Minister’s Question Time;
4. Il-Parlament ikollu aktar faċilitajiet u riżorsi għall-ħidma Parlamentari,
5. Il-Parlament jingħata aktar fondi biex ikun jista’ jimpjega aktar ħaddiema li jkunu ta’ appoġġ u fond ta’ riċerka għad-Deputati Maltin,
6. Jibdew diskussjonijiet għar-Riforma Kostituzzjonali li tkun tinkludi l-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena fl-elezzjoni ġenerali, u
7. Li mozzjonijiet privati tal-Oppożizzjoni jsiru aktar frekwenti minn dak li hemm previst illum ta’ darba kull tliet xhur.
Il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika
Mario de Marco qal li f’isem l-Oppożizzjoni kien qiegħed jistieden lill-Prim Ministru biex malajr jekk jista’ jkun jipproponi isem jew ismijiet lill-Oppożizzjoni biex tkun tista’ ssir il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. “Dan il-persuna, uffiċjal fil-Parlament Malti, ikun jista’ jiskrutinja lilna l-Membri Parlamentari f’dak kollu li nagħmlu. Jien m’għandi l-ebda diffikultà li jkollna kummissarju tal-istandards fil-ħajja pubblika tagħna, li jara x’nagħmlu, xi ngħidu, xi qligħ għandna, x’inhuma l-assi tagħna, x’dikjarazzjonijiet nagħmlu; biex finalment kulħadd ikun jista’ jħares lejna l-Membri Parlamentari Maltin b’mod pożittiv u ma jkollna ebda dell ta’ dubju fuq kull wieħed jew waħda minna” qal Mario de Marco.
L-iskrutinju ta’ ħatriet pubbliċi
Mario de Marco qal li wasal iż-żmien li niskrutinjaw u naraw il-kwalitajiet ta’ min il-Gvern ikun irid jaħtar bħala Ambaxxatur, Kummissarju tal-Pulizija, Kap Kmandant tal-Fozi Armati u chairpersons ta’ awtoritajiet. Dawn il-persuni għandhom jiġu għal skrutinju quddiem il-Parlament.
Ħin speċifiku għall-mistoqsijiet lill-PM
Mario de Marco tkellem ukoll dwar il-Prime Minister’s Question Time. “B’kuraġġ ngħid lill-Gvern biex jilqa’ t-talba li ilha tagħmel l-Oppożizzjoni biex ġo dan il-Parlament ikollna l-Prime Minister’s Question Time. Jekk verament irridu nagħmlu qabża ’l quddiem, hemm bżonn li fil-Parlament il-Prim Ministru jkollu ħin dedikat, miftihem bejn iż-żewġ naħat, biex iwieġeb għal domandi diretti min-naħa tal-Oppożizzjoni, min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni, min-naħa tal-backbenchers tal-Gvern u jwieġeb għal domandi li l-poplu Malti jkun irid jistaqsi f’dik iċ-ċirkostanza u mument partikolari. Allura, jekk se naġġornaw il-metodu ta’ kif naħdmu, din għandha tkun waħda mill-issues li mhux ngħidu ħaddieħor x’għandu jagħmel, imma nibdew aħna nagħtu l-eżempju; jibda dan l-istess Prim Ministru billi jagħti l-eżempju, billi jaqbel li jiġi fil-Parlament u f’ħin dedikat apposta, darba fil-ġimgħa jew kull ħmistax hu jkun fil-Parlament speċifikament biex iwieġeb għad-domandi u b’hekk nibdew ukoll f’pajjiżna l-Prime Minister’s Question Time,” qal Mario de Marco.
Aktar riżorsi għat-tisħiħ tal-ħidma parlamentari
Minn naħa tiegħu, David Agius tkellem dwar il-limiti tad-diskorsi u qal li “t-tul mhux importanti, iżda x’jingħad fid-diskors tiegħek, x’riċerka tagħmel, xi preparazzjoni tkun għamilt. Huwa importanti li għandu jkollna min jgħin lill-membru parlamentari fir-riċerka tiegħu. Dawn ir-riċerkaturi jrid jimpjegahom jew iħallashom il-Parlament u biex tagħmel dan ix-xogħol trid il-flus, u allura nappella lill-Gvern biex iżid il-finanzi tal-Parlament Malti biex dan ikun jista’ jseħħ.”
David Agius qal li rridu nżidu r-riżorsi mogħtija lill-Parlament biex verament nagħtu l-awtonomija li tixraq lill-Parlament Malti. David Agius qal li fadal ħafna xi jsir fil-Parlament. “Fil-Parlament fadal li ssir librerija ta’ kwalità u referenza, kif ukoll li jiżdiedu l-ħaddiema.”
Ir-rappreżentanza femminili
Dwar il-fatt li l-Prim Ministru tkellem dwar aktar rappreżentanza ta’ nisa fil-Parlament Malti, David Agius qal li “bħala Oppożizzjoni aħna m’għandna ebda diffikultà li nitkellmu, inpoġġu madwar mejda u naraw kif u b’liema metodu dan il-Gvern jixtieq jasal biex iwettaq fil-prattika għal dawn il-ħsibijiet. Iżda jien nemmen li aktar nies jitħajru jsiru membri parlamentari jekk fil-Parlament tagħna jiżdied ir-rispett, jitjieb dejjem aktar il-mod kif nitkellmu, jekk fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż nitkellmu dwar l-issues veri li jolqtu lill-poplu Malti u Għawdxi, jekk nitkellmu dwar it-tfal, dwar il-faqar, dwar l-edukazzjoni, dwar is-saħħa, dwar iż-żgħażagħ, u kif se nirranġaw lil dan pajjiżna u kif lil pajjiżna se nagħmluh aħjar.”
Mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni
David Agius qal li l-iktar ħaġa importanti hija li jkollna rispett lejn xulxin. “Il-perjodu ta’ tliet xhur biex titressaq Private Member’s Bill mill-Oppożizzjoni hu twil wisq u fl-opinjoni tiegħi, għandna naraw li jitnaqqas kemm jista’ jkun.” Il-Whip tal-PN appella lill-Gvern biex f’dan il-każ tal-Private Member’s Bills, ikompli jsir bħalma kien jiġri fil-leġiżlatura li għaddiet u bi qbil bejn iż-żewġ naħat jinstabu l-ġranet u l-mumenti tajbin għall-Gvern, għal-Oppożizzjoni u għal dak id-deputat li se jressaq Private Member’s Bill, u nagħmlu dawn il-mozzjonijiet kemm jista’ jkun bi ftehim, u mhux inħallu tliet xhur jgħaddu minn waħda għal oħra.
Ir-Riforma Kostituzzjonali
David Agius tkellem dwar il-fatt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lesta titkellem dwar Riforma Kostituzzjonali iżda hemm bżonn li dan ikun proċess serju. David Agius fakkar li “kien hemm mozzjoni fil-Parlament ippreżentata minni u mill-Onor. Marlene Farrugia, biex nibdlu l-Kostituzzjoni u biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali, iżda din tħalliet fuq l-ixkaffa min-naħa tal-Gvern Laburista. Nispera li din id-darba verament naslu li nibdlu fejn meħtieġ il-Kostituzzjoni Maltija u biex dan iseħħ irridu verament nisimgħu lil xulxin billi npoġġu madwar mejda, u finalment naslu għall-konklużjonijiet li jagħmlu unur kemm lill-Membri Parlamentari li jivvutaw għalihom, kemm lill-Parlament, kif ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi kollu,” temm jgħid il-Whip tal-Grupp Parlamentari.
//= $special ?>