Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri huma fost dawk illi appellaw mid-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia illi lbieraħ ordna li tinfetaħ inkjesta kriminali oħra dwar l-iskandlu tal-Panama Papers. Huma daħħlu dan l-appell illum, u magħhom appellaw ukoll Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman.
L-appell se jinstema’ quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi.
Fi kliem il-Kap tal-PN Simon Busuttil, dan l-appell fih innifsu ifisser hafna, ghaliex juri li hemm resistenza qawwija minn naha ta’ Muscat. F’messagg fuq Twitter, Simon Busuttil qal illi minflok jilqghu l-investigazzjoni, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri qed jirrezistu bil-qawwa kollha d-decizjoni tal-Magistrat Farrugia.
L-Erbgħa, il-Qorti laqgħet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex tinfetaħ inkjesta kriminali dwar il-Panama Papers, u dan ifisser li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u l-Ministru Konrad Mizzi, issa tpoġġew mill-Qorti taħt investigazzjoni kriminali. Magħhom tpoġġa’ wkoll il-Prim Ministru nnifsu.
Ir-rikors mill-Kap tal-Oppożizzjoni tressaq fl-14 ta’ Lulju li għadda fejn il-Qorti tal-Maġistrati kienet ġiet mitluba tiftaħ investigazzjoni kriminali wara li Keith Schembri u Konrad Mizzi nqabdu b’kumpaniji fil-Panama biex fihom ipoġġu b’miljun ewro fis-sena f’commissions.
Fir-rikors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Qorti tinvestiga jekk dan jammontax għal reat kriminali ta’ ħasil ta’ flus. Ilbieraħ, il-Maġistrat Ian Farrugia qal f’digriet, li l-prerekwiżiti għal investigazzjoni kriminali minn Maġistrat ieħor ġew sodisfatti. Filfatt, issa jmiss li jitla’ Maġistrat bil-polza sabiex ikun jista’ jibda l-investigazzjoni kriminali kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Meta ressaq ir-rikors f’nofs Lulju, Simon Busuttil qal li kien qed jagħmel it-talba biex issir ġustizzja, ladarba la l-Pulizija u lanqas l-Avukat Ġenerali ma għamlu dak li messhom għamlu. Żied jgħid li l-elezzjoni ġenerali ma tfissirx li l-ġustizzja m’għandiex issir għax l-elezzjoni mhix skuża biex reati kriminali jintesew jew jinkinsu taħt it-tapit.
//= $special ?>