Internazzjonali

Ir-Renju Unit: It-tranżizzjoni tal-Brexit trid tintemm sal-2022

 

Il-Kanċillier Britanniku, Philip Hammond, qal li kwalunkwe ‘ftehim tranżizzjonali’ fil-perjodu wara l-Brexit irid jintemm sa żmien l-elezzjoni ġenerali li jmiss ġewwa r-Renju Unit.

Hammond qal ukoll li l-ħajja għall-Britanniċi trid tkun ‘normali’ waqt li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Hu kompla li ‘ħafna affarijiet se jkunu jidhru simili’ fil-ġurnata wara l-Brexit – fid-29 ta’ Marzu tal-2019 – meta r-Renju Unit għandu jimxi gradwalment lejn relazzjoni ġdida mal-Unjoni Ewropea.

Iżda l-Kanċillier sostna li t-tranżizzjoni għandha tintemm sa Ġunju tal-2022, qabel l-elezzjoni li jmiss fir-Renju Unit.

Ir-Renju Unit għandu jitlaq mill-UE lejn l-aħħar ta’ Marzu tal-2019, iżda kien hemm dejjem aktar diskors dwar fażi ‘tranżizzjonali’ jew fażi għall-‘implimentazzjoni’ li twitti l-proċess għall-Brexit qabel issir effettiva relazzjoni ġdida u fit-tul mal-Unjoni.

Dan jista’ jfisser perjodu fejn parti mir-regoli tal-UE ikomplu japplikaw fir-Renju Unit wara li l-pajjiż, teknikament, ikun telaq mill-Unjoni.

Ir-rapporti ssuġġerew li dawn jistgħu jinkludu permess għall-moviment ħieles tan-nies għal xi żmien, b’din qed tidher bħala issue ewlieni fil-vot biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE.

Hammond anki deher jirrikonoxxi l-fatt li l-ftehim kummerċjali ġodda ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE ma jistgħux ikunu ffirmati waqt dan il-perjodu. Hu tenna li ‘jrid jgħaddi ż-żmien’ biex isiru n-negozjati relatati meta l-aktar ħaġa importanti hi li ‘jibda x-xogħol fuq dak il-proċess’.

Il-Kanċillier, li qed isejjaħ għat-taħditiet tal-Brexit biex jagħtu priorità lill-ekonomija, qal li ż-żmien ta’ kwalunkwe ftehim tranżizzjonali għandu jkun ‘xprunat mill-kunsiderazzjonijiet tekniċi’.

Fl-istess ħin, il-Ministru għall-Immigrazzjoni, Brandon Lewis, qal li kien ‘sempliċi stat ta’ fatt’ li r-regoli tal-UE għall-moviment ħieles mgħandhomx japplikaw għal wara l-2019.

Intant, il-Kanċillier Hammond ukoll qabel ma dan, peress li l-moviment ħieles hu kunċett tal-UE u minħabba li r-Renju Unit se jispiċċa mis-suq komuni u l-unjoni doganali ( tal-Unjoni) fid-29 ta’ Marzu tal-2019.