Lokali

Rappurtat 112-il każ ta’ fastidju sesswali f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet

Dik li suppost kienet vaganza f’pajjiżna għal tliet tfajliet inbidlet fi trawma hekk kif it-tlieta li huma għaddew mill-esperjenza qarsa ta’ fastidju sesswali f’okkażjonijiet separati.

Rapport f’The Malta Independent on Sunday jagħti rapport dettaljat ta’ dak li għaddew minnhom dawn it-tliet tfajliet bl-ewwel tfajla  kienet qed taqra ktieb fuq ir-ramel meta ġuvni Taljan intelaq fuqha u taha fastidju sesswali fil-Bajja ta’ San Ġorg. It-tfajla rnexxielha tevita dan l-abbuż wara li kienet megħjuna minn sħabha.

It-tieni tfajla għaddiet minn din l-istess esperjenza f’post tad-divertiment f’Buġibba fejn għal darba oħra evitat li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar wara li kienet megħjuna minn sħabha.

It-tielet tfajla kienet qed tiżfen f’diskoteka f’Paceville meta resaq lejha ġuvni barrani u taha fastidju sesswali. Il-ġuvni ħarab ‘l hemm wara li ħbieb it-tfajla ddefendew lill-ħabiba tagħhom.

It-tliet tfajliet tkellmu ma’ ġurnalist ta’ The Malta Independent on Sunday dwar din l-esperjenza diffiċli b’wahda minnhom biss tgħid li rrappurtat l-inċident lill-Pulizija. Saħansitra waħda mit-tfajliet tgħid li ma tarax il-ħtieġa li tirrapporta għax mir-rapport qatt ma joħroġ xejn.

Matul is-sena li għaddiet kienu rrappurtati 112-il kaz ta fastidju sesswali filwaqt li mijiet ta’ każijiet oħrajn jibqgħu ma jkunux irrappurtati.

Intant matul din is-sena l-Pulizija diġa’ rċeviet 31 rapport ta’filmati u ritratti sesswali li kienu mxerrda minkejja li kienu ta’ natura privata.

Fil-faċċata tagħha, il-gazzetta The Sunday Times of Malta tirrapporta l-każ ta’ tfajla li bagħtet filmat sesswali tagħha li ttieħed b’mod privat lill-għarus tagħha. Fíntervista t-tfajla tirrakkonta kif il-koppja ħadet filmat sesswali tagħhom stess u bagħtet dan il-filmat lil dak li kien il-boyfriend tagħha.

Wara li nfirdu l-ġuvni xxerja dan il-filmat fuq il-midja soċjali bit-tfajla tirrakkonta kif dawk kollha viċin tagħha raw dan il-filmat. It-tfajla, li hija gradwata b’futur sabiħ quddiemha, tgħid kif kienet tħossha umiljata partikolarment fuq il-post tax-xogħol konxja li kulħadd ra dan il-filmat. Tistqarr kif dan wassalha biex tikkontempla suwiċidju minħabba s-sitwazzjoni umiljanti li sabet ruħha fiha.

Il-filmat infirex fuq il-midja socjali  u saħansitra sab ruħu fuq sit pornografiku u kien biss wara intervent tal-pulizija li l-filmat tneħħa.

Każijiet bħal dawn mhumiex rari tant li rapporti simili irduppjaw matul is-sena li għaddiet.