Sport Sport Ieħor

LOKALI – Unur għal Wilfred Sultana

Il-ġurnalista Enrica Simonetti tintervista lil Wilfred Sultana wara li ħabbret ir-rikonoxximent tiegħu fit-Trofeo del Mare 2017. (Ritratt - Massimo Assenza - Pozzallo).

Dan l-aħħar il-ġurnalist u organizzatur sportiv ta’ avvenimenti marittimi nazzjonali u internazzjonali Wilfred Sultana ingħata l-unur tat-Trofeo Del Mare.

Minn lista oriġinali ta’ 26 kandidat Wilfred Sultana kien wieħed mit-tmien kandidati li eventwalment ingħataw it-Trofeo Del Mare 2017.

It-Trofeo del Mare 2017 jimmarka l-ħames rikonoxximent ewlieni mogħti lil Wilfred Sultana matul il-karriera attiva tiegħu. Fil-passat hu ngħata erba’ rikonoxximenti oħra.

Fl-1986 ingħata l-unru tal-Uffiċjal Sportiv tas-Sena (Għaqda Kittieba Sports – Malta), fl-2013 ingħata – rikonoxximent għall-Karriera fil-Media u Sport (Għaqda Ġurnalisti Sports – Malta), fl-2016 ingħata rikonoxximent għall-Karriera bħala Ġurnalist, Pubblikatur u Organizzatur (ONE Tribute Award – TV/Radju Group) u din is-sena wkoll ingħata rikonoxximent għall-Karriera bħala Ġurnalist, Pubblikatur u Organizzatur (Yachting Malta).

Mistieden speċjali fil-serata ta’ preżentazzjoni tat-Trofeo del Mare 2017 kien Angelo Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati li ġie mistieden ukoll jippreżenta wieħed mill-premjijiet. F’diskors qasir Dott. Farrugia rrefera għar-rwol ta’ tmexxija marittima ta’ Malta fil-Mediterran matul is-snin u s-suċċess li bih diversi elementi relatati mal-marittimu llum qed isaħħu l-ekonomija lokali.

Dan l-avveniment, li din is-sena ġie inkluż fost l-avvenimenti nazzjonali biex jitfakkar il-120 anniversarju tal-Lega Navale Italiana, kien organizzat mir-Reggione Siciliana, mill-Lega Navale Italiana (Sezione Pozzallo), mis-Soprintendenza del Mare u mil-Comune di Pozzallo.

Wilfred Sultana, li bħalissa hu wkoll il-Commodore tal-Malta Cruising Club, huwa r-raba’ personalità Maltija li ngħatat il-Premju Trofeo del Mare.

It-tlieta l-oħra kienu Dr Timmy Gambin – Arkeologu Marittimu fl-2011, John Ripard – Yachtsman fl-2012 u Francis Portelli – sid ta’ bastimenti fl-2014.