Aġġornata
Fil-filmat t’hawn fuq jidher il-mument li ġie arrestat is-suspettat tal-attakk terroristiku f’Barċellona. Sadanittant, numru ta’ stazzjonijiet tal-metro jinsabu magħluqin.
Sadanittant, ara x’qalet Maltija li kienet ftit bogħod mill-attakk billi tagħfas fuq il-link t’hawn taħt:
FILMAT: Maltija tgħid x’rat mill-attakk terroristiku f’Barċellona
Aktar kmieni
Il-belt ta’ Barċellona, illum, inħakmet minn paniku kbir wara li sewwieq ta’ vann saq għal fuq il-folol fiz-zona popolari ta’ Las Ramblas.
Il-vann għadda b’veloċità minn zona rriservata għan-nies, bl-azzjoni tkun imfissra bħala bħala attakk terroristiku.
Skont is-sorsi f’Barċellona li ma kenux ikkonfermati mija-fil-mija, fl-attakk x’aktarx li mietu talanqas 13 il-persuna waqt li rriżultaw ukoll diversi midruba. Dan meta ċ-ċifra kienet mistennija titla’ aktar kemm jgħaddi ħin.
Is-servizzi għall-emerġenzi f’Barċellona, dritt wara l-attakk, ħeġġew lin-nies biex iżommu ‘il bogħod miz-zona madwar Pjazza Katalunja bin-nies jgħidu li s-sewwieq tal-vann ‘immira apposta għan-nies’ qabel waqaf u ħarab bil-ġiri mill-inħawi. Issemma wkoll ‘tieni vann’ li seta’ kien involut bħala parti minn attakk koordinat.
In-nies, intant, fittxew il-kenn qalb l-istabbilimenti u kafeteriji f’Las Ramblas fost ix-xeni tal-kaos u konfużjoni. Is-servizzi għall-emerġenzi li wieġbu għall-allert f’Barċellona talbu wkoll biex jingħalqu l-istazzjonijiet lokali tal-metro u l-ferrovija.
Ir-rapporti komplew li ‘bħalissa, żewġ irġiel armati jinsabu magħluqin ġo bar fiz-zona’, bid-dettalji għadhom deħlin. L-indikazzjonijet huma li, hemmhekk, tista’ qed tiżvolġi sitwazzjoni ta’ ostaġġi għalkemm mhemm xejn konkret dwar dan.
Kelliema għall-Pulizija Spanjola spjegaw li arrestaw raġel madanakollu s’issa għadu ma ġiex identifikat.
Iz-zona ta’ Las Ramblas hi fost l-aktar postijiet frekwentati minn turisti għal dan iż-żmien tas-sena u fil-ħin tal-inċident kienet ippakkjata b’eluf ta’ nies, inklużi l-familji.
L-investigazzjonijiet qed ikomplu meta s-sitwazzjoni f’Barċellona għadha imprevedibbli u bil-qawwiet tas-sigurtà f’Las Ramblas qed ikomplu josservaw stat ta’ allert assolut.
//= $special ?>