Internazzjonali

Id-dmija f’Barċellona segwita minn terrur f’Cambrils

Il-Gvern f’Katalunja bħalissa qed jevalwa l-aħħar inċidenti terroristiċi f’artu fost sinjali ta’ assoċjazzjoni ċara bejn l-attakk tal-Ħamis fuq in-nies fiz-zona ta’ Las Ramblas, f’Barċellona, u attakk ieħor li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu f’Cambrils, li hu resort ewlieni maġenb il-baħar.

Wara li terrorista, nhar il-Ħamis, saq vettura fuq il-folla f’Las Ramblas — fejn ħalla 14 il-mejtin u aktar minn 100 midruba — ħames persuni ġo karozza Audi, sigħat wara, wettqu azzjoni simili fejn saqu dritt għal fuq in-nies fir-resort ta’ Cambrils qabel inqalbu bil-vettura.

Mara li spiċċat kritikament midruba mietet aktar tard mill-ġrieħi li ġarrbet, bir-rapporti jirreferu wkoll għal diversi midruba f’dan l-inċident.

Il-ħames terroristi f’Cambrils inqatlu mill-pulizija, minuti biss wara li nqalbu bil-vann, u wara li wħud minnhom baqgħu jisfidaw ‘sa l-aħħar’ lill-pulizija. Kien irrappurtat li wieħed mill-aggressuri mexa lejn il-pulizija ‘bi tbissima fuq wiċċu u fost diversi provokazzjonijiet min-naħa tiegħu’, sakemm il-pulizija laqtuh bit-tiri fatali.

L-aggressuri kienu lebsin iċ-ċinturini tal-isplussivi finta u, wara, esperti mal-bomb squad wettqu sensiela ta’ splużjonijiet ikkontrollati fl-inħawi.

Is-Sindku ta’ Cambrils, Cami Mendoza, qalet li s-suspettati terroristi kienu konċentraw l-attakk fuq pajsaġġ dejjaq li jwassal għall-qalba tar-resort popolari li jinsab ftit għexieren ta’ kilometri lejn il-Lbiċ ta’ Barċellona.