Iż-żgħażugħ suspettat li saq vann fuq in-nies f’Las Ramblas, fil-qalba ta’ Barċellona, għadu qed jiżgiċċa lill-ġustizzja. Intant, il-Pulizija qed twettaq kaċċa intensiva għaż-żgħażugħ wara l-attakk tal-Ħamis fejn mietu 14 u b’għexieren oħra jisfaw midruba, uħud serjament. Talanqas erba’ spiċċaw arrestati b’konnessjoni mal-attakk inkwistjoni.
Kelliema għall-grupp terroristiku ISIS assumew responsabbiltà għal din l-atroċità li kompliet is-sensiela ta’ azzjonijiet terroristiċi simili bil-vetturi li, fl-aħħar xhur, laqtu diversi bliet Ewropej fosthom Londra, Berlin u Nizza.
Skont l-aħħar rapporti minn Spanja is-suspettat ‘qattiel ta’ Las Ramblas’ jismu Moussa Oukabir, ta’ 18 il-sena u jingħad li ż-żgħażugħ kien seraq id-dokumenti tal-identità ta’ ħuh akbar minnu biex jikri l-vann li ntużat fl-attakk tal-Ħamis.
Qabel dan, Oukabir, Spanjol ta’ nisel Marokkin, kien bagħat messaġġ online fejn kiteb dwar ix-xewqa ‘li joqtol lill-infidili ( persuni mhux Musulmani).’ Madankollu, il-pulizija Spanjola ma qalitx jekk Moussa hux ‘tassew’ is-sewwieq tal-vann li wettaq id-dmija f’Las Ramblas.
Ix-xufier tal-vann irnexxielu jaħrab bil-mixi wara l-attakk tal-Ħamis, bil-Ministru għall-Intern għar-reġjun ta’ Katalunja, Joaquim Forn, jgħid li ‘il-pulizija fl-inħawi ma sparawlux ‘minħabba li z-zona sħiħa ta’ Las Ramblas kienet ippakkjata bin-nies’.
L-istampa qed tallega li Moussa Oukabir, fil-fatt, kien kera żewġ vannijiet – dak li ntuża għall-attakk u bl-ieħor jinstab, sigħat wara, fil-belt ta’ Vic, lejn it-Tramuntana ta’ Barċellona. L-awtoritajiet jemmnu li ‘it-tieni vann’ kellu jintuża mis-suspettat biex jaħrab ‘il bogħod kemm jista’ jkun mis-sit tal-attakk.
Il-mejtin u midruba fl-attakk ta’ Las Ramblas jinkludu ċittadini minn xi 34 pajjiż, bil-mejtin ikkonfermati ( sal-bieraħ) jinkludu anzjan Spanjol, żewġ Taljani u Belġjan. Il-midruba jinkludu 26 ċittadin Franċiżi u 13 il-Ġermaniż, b’tifel Awstraljan ta’ seba’ snin ikun irrappurtat nieqes wara li spiċċa separat minn ommu fl-eqqel tal-attakk.
Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Mariano Rajoy, ikkundanna l-attakk ‘tal-ġiħadisti’ f’Barċellona waqt li ħabbar tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali. Il-poplu Spanjol, illum, osserva minuta silenzju b’rispett għall-vittmi tal-aħħar inċidenti terroristiċi fil-pajjiż.
//= $special ?>