Futbol Sport

Carmel Busuttil mistieden speċjali ta’ KRC Genk

L-eksplejer internazzjonali Malti Carmel Busuttil kien wieħed minn diversi mistiedna speċjali ta’ KRC Genk, il-klabb Belġjan li miegħu lagħab fl-aqwa tal-karriera tiegħu.

Ilbieraħ, il-klabb iċċelebra it-30 sena anniversarju waqt il-partita kontra Charleroi fil-Cristal Arena, ta’ Genk.

KRC Genk iċċelebraw l-anniversarju ta’ meta l-klabbs rivali eterni fil-futbol Belġjan, FC Winterslag u K. Waterschei S.V. Thor Genk, ingħaqdu u saru jisimhom KRC Genk. Għal din l-okkażjoni, il-klabb stieden diversi plejers u protagonisti li kellhom x’jaqsmu mal-klabb f’dawn l-aħħar snin.

F’kummenti li ta Busuttil lill-istazzjon televiżiv nazzjonali qal: “Okkażjoni mill-isbaħ u ta’ unur kbir għalija. Għadda tant snin u baqgħu jirrispettawni. Xi ħaġa sabiħa ħafna li wara tant snin bniedem tibqa’ tirrikonoxxieh għal dak li għamel.”

Busuttil lagħab ma’ KRC Genk għal sitt staġuni, bejn l-1988 u l-1994 u f’dawn is-snin, minbarra li kien anke l-captain tal-iskwadra, għal tliet snin kien l-aqwa skorer tal-klabb.

Il-partitarji, wara li kien telaq, kienu anki għamlulu ‘fan club’, biex jibqgħu jonorawh. Busuttil lagħab 153 partita ma’ KRC Genk u fihom skurja 57 gowl.

Carmel Busuttil jibqa’ wieħed mill-aqwa plejers li qatt ipproduċa pajjiżna. Hu twieled fit-29 ta’ Frar 1964. Hu beda l-karriera tiegħu ma’ Rabat Ajax bejn l-1979 u l-1987. Magħhom lagħab 106 partiti u skurja 47 gowl. Fl-istaġun 1987/88, Busuttil lagħab 20 partita fl-Italja ma’ Verbania u skurja 8 gowls. Meta ġie lura mill-Belġju, hu lagħab 191 partita ma’ Sliema Wanderers bejn l-1994 u 2001 u magħhom skurja 78 gowl.

Carmel Busuttil lagħab ukoll 113-il partita ma’ Malta u fihom skurja 23 gowl.

Hu kien l-aqwa skorer ta’ kull żmien tat-tim nazzjonali Malti, qabel ma’ Michael Mifsud, captain preżenti tat-tim nazzjonali Malti, irnexxielhu jaqbżu għal total s’issa ta’ 40 gowl. Busuttil għamel ukoll perjodu assistant kowċ tat-tim nazzjonali Malti bejn l-2007 u l-2010.