Lokali

Ġlieda f’Albert Town – mara attakkata u tlieta arrestati

Tliet persuni kienu arrestati wara ġlieda li żviluppat ftit wara nofsinhar fiż-żona ta’ Albert Town fil-Marsa.

Jirriżulta li għal xi raġuni nqalgħet kommossjoni u żviluppat ġlieda, fejn fost l-oħrajn mill-inqas tliet Somali attakkaw ukoll Maltija u raġel li kien qed jakkumpanjaha fil-vettura, u kkawżawla ħsara fil-vettura tagħhom.

Malli daħal ir-rapport, fil-post waslu numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit kif ukoll mid-distrett tal-Belt Valletta li wettqu tfittxijiet fiż-żona kif ukoll fuq numru ta’ persuni li kienu fil-madwar.

Fost l-oħrajn ġew irkuprati numru ta’ oġġetti bħal biċċa njama kbira, li allegatament intużat biex twettqet ħsara fuq il-vettura privata u li ntremiet mill-akkużati qabel il-wasla tal-Pulizija. Saret ukoll tfittxija għal ġebla li jidher li twaddbet lejn il-vettura.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, bl-akkużati li ġew immanettjati u ttieħdu lejn l-għassa biex jassistu lill-Pulizija.