Kunsilli Lokali Lokali

FILMAT: M’intix ċert għandekx tidħol il-Belt bil-karozza? Din l-‘app’ se tgħinek

‘App’ ġdida se tkun tista’ tgħinek tiddeċiedi jekk għandekx tidħol il-Belt bil-karozza jew le. Il-VaTIS – Valletta Travel Information System hija ‘app’ ġdida, magħmula fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Belt, li turik kif inhu t-traffiku fit-toroq tal-Belt. B’hekk, tkun taf jekk għandekx tidħol il-Belt bil-karozza.

L-‘app’ ġiet imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kunsill Lokali tal-Belt, u NET News tkellem mas-Sindku tal-lokalità Alexei Dingli.

“Jaf ikun hemm sitwazzjoni li tant ikun hawn karozzi l-Belt li jkun inutli li tidħol lejn il-Belt, però xorta dak li jkun jipprova jidħol. Jiġifieri permezz ta’ din l-‘app’, issa ħa jkunu jistgħu jkunu jafu kemm hemm traffiku fil-Belt, u jekk hemm ħafna traffiku, ovvjament jiddeċiedu li ma jiġux lejn il-Belt”, spjega Alexei Dingli ma’ NET News.

L-app ġiet żviluppata mill-Istitut dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostennibli tal-Università. L-app taħdem billi taqbad informazzjoni eżistenti meħuda mis-sistema tas-CVA, u tintegraha u tippreżentaha b’mod viżiv lil min jużaha.

Kif tispjega l-Professur Maria Attard minn dan l-istitut. “Fil-Belt kellna s-sistema tas-CVA li huma l-cameras li jiġbdu r-ritratti tal-karozzi deħlin u ħerġin. Dik is-sistema ila tinġabar ħafna u ftit sar użu minnha. Din l-app tagħti l-opportunità li apparti li nużaw id-‘data’ li turi kemm deħlin karozzi fil-Belt, turi wkoll is-sitwazzjoni ‘in real time’ matul il-ġurnata ta’ kif tinbidel,” spjegat Maria Attard.

Użu ieħor ta’ din l-app, apparti li turi s-sitwazzjoni tat-traffiku, huwa li tagħti lista ta’ toroq li minn żmien għal żmien ikunu magħluqin. B’hekk, persuni li jkunu se jidħlu l-Belt bil-karozza, ikunu jistgħu jippjanaw il-vjaġġ tagħhom bl-aħjar mod possibbli.

Tista’ ssib l-app billi tikteb ‘VaTIS’ kemm fuq Google Play kif ukoll App Store. Il-faċilitajiet kollha tal-app jinsabu online fuq il-website http://vatis.info .