Lokali

MATUL IL-LEJL: Jisfronda s-saqaf tal-Knisja tal-Franġiskani fir-Rabat

Matul il-lejl seħħ dak li qatt ma stennejna. Hekk sostnew il-patrijiet Franġiskani tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu fir-Rabat, Malta, magħrufa aħjar bħala ta’ Ġieżu wara li matul il-lejl krollat parti mis-saqaf tal-knisja fuq l-artal.

Ritratti ppublikati fuq il-midja soċjali xehdu xena ta’ ħsara kbira u l-pubbliku huwa avżat li minħabba l-periklu ħadd ma huwa permess jifrexx pass fil-knisja.

Fuq il-midja soċjali tħabbar li mhux ser issir quddies sakemm jitħabbar mod ieħor. Filwaqt li l-patrijiet appellaw għat-talb, jistgħu iqisu dan l-inċident bħala grazzja minn Alla li seħħ matul il-lejl, hekk kif faċilment setgħet seħħet traġedja.

Bosta persuni stqarrew id-dieqa tagħhom b’mod speċjali r-Rabtin li dalgħodu stenbħu għal din l-aħbar morra – fejn bosta għamlu kuraġġ lil xulxin u saħansitra stqarrew li lesti li jgħatu daqqa t’id fejn jistgħu.

Reazzjonijiet

Il-Gvern għandu jintervjeni b’mod immedjat – PN

B’referenza għall-inċident sfortunat fejn matul il-lejl li għadda sfronda s-saqaf tal-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat, il-Partit Nazzjonalista appella biex il-Gvern jintervjeni b’mod immedjat biex jiġi evitat li ssir aktar ħsara filwaqt li fl-iqsar żmien possibbli jitwettqu x-xogħlijiet kollha meħtieġa biex tissewwa l-ħsara.

Il-Knisja ta’ Ġieżu, li titmexxa mill-Patrijiet Franġiskani, mhix biss post reliġjuż, iżda ġawhra Maltija mhux biss mar-Rabtin, iżda anke mal-miljuni ta’ turisti li jżuru pajjiżna kull sena. Għalhekk il-Gvern għandu jitkellem b’mod immedjat mal-Patrijiet Franġiskani biex jara kif jista’ jintervjeni malajr kemm jista’ jkun.

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja kull tip ta’ għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex jibda x-xogħol li hemm bżonn isir f’din il-Knisja. Il-Partit Nazzjonalista jwassal is-solidarjetà tiegħu mal-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani, kif ukoll mal-komunità Rabtija.

Ritratt tas-saqaf qabel sfronda