Futbol Sport

Chelsea jakkwistaw lil Drinkwater fl-aħħar minuti tas-suq tat-trasferimenti

Danny Drinkwater sar is-sitt akkwist ta' Chelsea

Chelsea rnexxielhom jagħmlu akkwist tal-aħħar minuti wara li kisbu s-servizzi tal-midfielder Danny Drinkwater mingħand Leicester f’wieħed mill-aħħar trasferimenti tas-suq, f’ġurnata li dejjem tkun mimlija attività.

Hu mifhum li s-somma tat-trasferiment hi ta’ madwar €40 miljun filwaqt li Leicester huma kunfidenti li akkwistaw lil Adrien Silva mingħand Sporting Lisbon qabel ma skada l-ħin b’somma ta’ €24 miljun.

In-negozjati ma’ Chelsea kienu diffiċli hekk kif iċ-champions Ingliżi ma bdewx jilħqu mar-rikjesti ta’ Leicester, bil-ħin għal tmiem is-suq tat-trasferimenti jkompli jonqos.

Il-Ħamis filgħaxija, Drinkwater kien jinsab fit-training grounds ta’ Chelsea hekk kif beda jistenna l-aħħar aħbarijiet fid-diskussjonijiet bejn iż-żewġ klabbs. Il-ftehim jidher li beda jiddependi l-aktar fuq jekk Leicester irnexxielhom jakkwistaw lil Silva fil-ħin biex ikun is-sostitut ta’ Drinkwater.

“Ninsab kuntent li jien plejer ta’ Chelsea u ninsab ħerqan biex nibda. Kien vjaġġ twil biex nasal hawn imma kuntent ħafna u qed inħares li ngħin lit-tim jirbaħ aktar trofew,” qal Drinkwater.

Hu sar is-sitt akkwist ta’ Chelsea f’dan is-suq tat-trasferimenti wara l-akkwisti ta’ Willy Caballero, Antonio Rudiger, Tiemoue Bakayoko, Alvaro Morata u Davide Zappacosta.

Silva ngħata l-permess li jħalli l-kamp ta’ taħriġ tal-Portugall biex jagħmel l-eżami mediku u jinnegozja l-aħħar partijiet tat-trasferiment. Leicester is-sena l-oħra kellhom offerta għal Silva miċħuda. L-uffiċjali ta’ Leicester qed jistennew konferma formali mill-FA Ingliża u l-Premier League biex it-trasferiment ikun suċċess.

Drinkwater li għandu 27 sena ngħaqad mal-Foxes mingħand Manchester United f’Jannar tal-2012 u lagħab 217 logħba għall-klabb f’perjodu li stabilixxa ruħu bħala plejer importanti fit-tim li rebaħ iċ-Championship u l-Premier League.

Stqarrija tal-klabb qalet li Leicester esprimew il-gratitudni għall-kontribuzzjoni li Danny ta lill-klabb biex intrebħu l-unuri matul il-ħames snin, u awgurawlu l-isbaħ xewqat.