Lokali

Tfajla tista’ titlef id-dawl t’għajnejha wara li ntlaqtet b’sigarett fi stabbiliment f’Paceville

Tfajla ta’ 21 sena qed tistenna r-riżultati mediċi biex tkun determinata l-kundizzjoni tagħha wara li kmieni l-Ħadd filgħodu ntlaqtet f’għajnejha b’sigarett fi stabbiliment ewlieni ta’ Paceville.

Jirriżulta li t-tfajla, li kienet akkumpanjata minn ħabibtha tal-istess eta’ u li t-tnejn li huma mill-Gżejjer Faroe, kienu f’dan il-post tad-divertiment f’San Ġiljan ftit biss wara li waslu f’pajjiżna.

Jidher li dan kien inċident, bir-raġel li laqat lit-tfajla madankollu mhux suppost li kien qed ipejjep fuq ġewwa tal-istabbiliment. Meta vittma għajtet bl-uġiegħ, jirriżulta li tfajla li kienet qed takkumpanja lil min kien qed ipejjep avviċinatha biex tgħinha.

Iżda kien f’dan il-mument li r-raġel, li l-identità tiegħu għad mhix magħrufa, qabad lit-tfajla tiegħu u flimkien ħarġu ‘l barra mill-istabbiliment ta’ malajr waqt li ħallew lit-tfajla tokrob bl-uġiegħ.

Fortunatament kien hawn li ħaddieħor li kien fl-istabbiliment u ra lit-tfajla f’diffikultà sejjaħ għall-għajnuna u għenu lit-tfajla tidħol fl-ambulanza fejn ittieħdet għall-kura fl-Isptar Mater Dei.

Matul il-ġurnata t-tfajla kellha tirritorna l-isptar biex tiġi ċċekkjata l-kundizzjoni ta’ għajnejha fost biża’ li l-kundizzjoni tagħha tiggrava.

Net News staqsa lill-Pulizija għal iżjed dettalji dwar dan il-każ, iżda jidher li t-tfajla kien għadha m’għamlitx rapport sforz il-biża’ u paniku li ħakmuha fid-dawl li tista’ titlef id-dawl ta’ għajnejha.

Hi għamlet dan, u ppreżentat ukoll ċertifikat mediku, iktar tard il-Ħadd filgħaxija, bil-Pulizija li mistennija jitolbu wkoll aċċess għall-filmati mill-kameras tas-sigurtà tal-istabbiliment.