Ammont sostanzjali ta’ Għalliema u tfal li kienu qed jattendu sessjoni ta’ Skola Sajf fl-Iskola Primarja A tal-Mosta kellhom jiġu evakwati mill-binja wara nirien li ħakmu kamra fl-Iskola, fi Triq Grognet. L-Iskola tifforma parti mill-Kulleġġ Marija Reġina.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li fost it-tfal kien hemm tifla ta’ 10 snin, li kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li belgħet xi dħaħen. Numru ta’ tfal u Għalliema oħra ngħataw l-għajnuna medika fil-post, iżda fortunatament ma sofrew l-ebda feriti.
Fortunatament, kien hemm inqas tfal milli jkun hemm is-soltu meta seħħ l-inċident hekk kif ħafna minnhom kienu ħallew l-iskola minħabba kunċert.
Jidher li n-nirien x’aktarx bdew minn ħsara elettrika f’maħżen qrib it-‘toilets’ u dan wassal biex l-affarijiet fih ħadu n-nar.
Iżda l-għalliema u l-istaff l-ieħor, wieġbu fil-pront għas-sitwazzjoni li setgħet ħolqot paniku. Fil-fatt, l-iskola kienet evakwata b’mod ordinat tant li meta waslu l-inġenji tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-evakwazzjoni kienet kompluta.
It-triq tal-Iskola kellha tingħalaq għal xi ħin sakemm is-sitwazzjoni tinġieb lura għan-normal u ladarba jkun stabbilit li m’hemmx aktar periklu.